Politika
Malta tilqa’ l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied fil-Libja

Fazzjonijiet differenti tal-Libja ffirmaw ftehim ta’ waqfien mill-ġlied li iżda jeħtieġ li jkun segwit minn taħditiet dwar soluzzjonijiet prattiċi fil-pajjiż.

Lejlet l-anniversarju tal-75 mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo, qal li dan il-ftehim juri l-irwol importanti tan-Nazzjonijiet Magħquda li ġabet flimkien il-fazzjonijiet Libjani madwar il-mejda tad-diskussjoni minflok baqgħu fi stat ta’ gwerra ċivili.

Il-ħamsa u sebgħin anniversarju mill-oriġini tan-Nazzjonijiet Magħquda ġie mmarkat bl-iffirmar ta’ ftehim bejn ir-rivali politiċi għal waqfien permanenti tal-ġlied fiż-żoni kollha tal-Libja. Il-ftehim jorbot fost oħrajn li l-ġellieda barranin iridu jitilqu mil-Libja fi żmien tliet xhur.

“They demonstrated their patriotism, love of country and commitment in coming together to reach an agreement that can help secure a better and more peaceful future for all of the Libyan people. I salute their sense of responsibility and commitment to preserve Libya’s unity and to reassert Libya’s sovereignty,” qalet Stephanie Williams, Mibgħuta Speċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda għal-Libja.

Din l-aħbar intlaqgħet b’sodisfazzjon mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo. “Jien meta jiġu l-Libjani hawnhekk ngħidilhom li jekk jaqilbu l-mappa tal-Libja daqsxejn maġenbha jaraw li hi forma ta’ qalb u l-qalb biex taħdem għandha bżonn il-partijiet tagħha jaħdmu flimkien. Żgur li mhux li jiġġieldu ma’ xulxin għax jekk il-qalb tieqaf imbagħad jieqaf il-pajjiż. U jekk il-poplu Libjan jibqa’ jiġġieled miegħu nnifsu, jieqaf u jmut. Allura issa wara li jkun hemm dan il-waqfien mill-ġlied u jkun hemm l-istabbiltà, dan il-pajjiż jista’ jkun fost l-iktar sinjuri fil-Mediterran.”

Il-Ministru Bartolo qal li s-sehem taż-żgħażagħ hu importanti fit-tfassil tal-politika tal-ġejjieni. Spjega li għall-ewwel darba, se toħroġ sejħa għal delegat taż-żgħażagħ ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Magħquda. Il-persuna magħżula se tqatta’ sa 6 ġimgħat fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York billi fost oħrajn tiddjaloga dwar fuq kwistjonijiet internazzjonali.

Fil-75 anniversarju mit-twaqqif tagħha, in-Nazzjonijiet Magħquda qed tippromovi l-iżvilupp sostenibbli bi 17-il mira. Il-Ministru Carmelo Abela qal li l-pajjiż għamel avvanzi kbar fil-ġlieda kontra l-faqar, l-edukazzjoni, l-ugwaljanza u l-enerġija nadifa. Il-Ministru Abela qal li għaddejja l-ħidma fuq miri oħrajn.

“Il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-Parlament pereżempju. Dik hi xi ħaġa li ilna snin nitkellmu fuqha. Il-Gvern diġà ressaq abbozz ta’ liġi fil-Parlament ħalli mill-elezzjonijiet li jmiss inżidu iktar nisa fil-Parlament Malti u allura hemmhekk irridu naħdmu iktar fuqha.”

Il-Ministru Abela tenna l-impenn tal-Gvern li jimplimenta l-bqija tal-miri tal-iżvilupp sostenibbli sas-sena 2030.