Ekonomija u Finanzi
Malta tingħata rating A+ minn aġenzija tal-kreditu Ġermaniża

L-Aġenzija Ġermaniża tal-credit rating, ikklassifikat lil Malta fil-livell A+ bi prospetti stabbli wara li l-ekonomisti tagħha għamlu evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi u finanzjarji ta’ Malta.

Aġenzija oħra internazzjonali tat ċertifikat tajjeb lill-ekonomija Maltija b’rating ta’ A+ stabbli mill-creditreform tal-Ġermanja. L-Aġenzija waslet għal din il-klassifika wara li kkunsidrat t-tkabbir ekonomiku qawwi li żied d-dħul ras għal ras kif ukoll il-livell baxx tal-qgħad. L-ekonomisti qalu li dan ix-xennarju mistennija jissokta anke s-sena d-dieħla. L-ekonomisti innutaw li l-Gvern qed ikollu l-ogħla surplus fil-budget fost il-pajjiżi Ewropej u li hemm xejra tat-tnaqqis tad-dejn.

F’rapport ta’ 12-il paġna, l-Aġenzija Ġermaniża innutat li Malta għandha qafas instituzzjonali tajjeb madankollu rrimarkat li hemm lok għal titjib fis-sistema ġudizzjarja u fit-tisħiħ tal-miżuri kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Ir-rapport josserva li fl-Indiċi tal-bank Dinji Malta kklassifkat fil-41 post minn 209 pajjiżi għal governanza tajba. Qalu li din il-klassifikat hija fil-livell ta’ pajjiżi li għandhom l-istess rating ta’ Malta. Mill-banda l-oħra, Malta tinsab aħjar minhom fil-perċezzjoni ta’ kemm l-awtoritajiet jiffavorixxu s-settur privat.

Dwar is-saltna tad-dritt, il-kontroll tal-korruzzjoni , l-indipendenza tal-ġudikatura u l-awditjar, ir-rapport huwa inqas pożittiv li jirrimarka li fi klassifiki ta’ organizzizzjonijiet oħrajn, il-punteġġi ta’ Malta waqgħu xi ftit mill-2008 ‘l hawn u jsemmi wkoll ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar Malta fost oħra dwar it-trasperenza, il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment u l-protezzjoni tal-infurmatur. Ir-rapport iżda josserva li l-awtoritajiet Maltin fosthom l-MFSA u l-FIAU bdew jieħdu diversi azzjonijiet fosthom fil-ġlied kontra l-ħasil tal-flus u l-kontroll akbar mir-regolaturi fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Jgħid li wieħed għad irid jara kemm dawn il-miżuri qed ikunu effettivi.

Mil-lat ekonomiku, l-ekonomisti qiesu r-riskji li l-ekonomija Maltija tista’ tiffaċċja minn żviluppi internazzjonali fosthom fl-armonizazzjoni tat-taxxa u azzjoni li jistgħu jaffettwa d-dħul mill-programm taċ-ċittadinanza. Qalu li xorta jħossu li kollox ma’ kollox l-indikaturi ekonomiċi jiġġustifikaw ir-rating ta’ A+ għal Malta minħabba li b’mod konsistenti mill-2013 ‘l hawn il-pajjiż kellu żieda fil-ġid nazzjonali u anke żieda fid-dħul personali li kien b’pass aktar mgħaġġel mill-bqija tal-27 membru tal-Unjoni Ewropea. L-ekonomisti ddiskrivew it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta fil-livell ta’ 6.8% bħala eċċezzjonali u ferm ogħla mir-rata medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Innutaw ukoll li l-espansjoni ekonomika nħasset kważi fis-settur kollha mis-servizzi sal-kostruzzjoni.

Creditreform qalu li f’dan ix-xennarju l-prospetti għall-ekonomija Maltija huma pożittivi u bassru tkabbir ekonomika ta’ 5.5% din is-sena u 5% s-sena d-dieħla. L-ekonomisti flew iċ-ċifri tad-diversi setturi tal-ekonomija u innutaw fost oħrajn iż-żieda qawwija fit-turiżmu u anke titjib fil-manifattura u ż-żieda fl-investiment ippjanat anke mil-fondi tal-Unjoni Ewropea. Dwar is-suq tax-xogħol, osservaw li l-ħaddiema barranin żammew milli tinħoloq l-inflazzjoni fil-pagi u dan flimkien maż-żieda fil-produttività tejjeb il-kompettività f’diversi setturi tal-ekonomija Maltija. Madankollu jirrimarka li Malta għad għandha burokrazija li jxekkel l-intrapriża tant li Malta kklassifikat f’rapport ieħor fl-84 post minn 190 pajjiż.

L-Aġenzija Ġermaniża qalet li r-riskji li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim naqsu xi ftit iżda wissiet li jekk il-ftehim ma jiġix approvat mill-Parlament Ingliż, dan jaf ikollu effett ħażin fuq it-turiżmu mis-suq Ingliż lejn Malta għalkemm innutat li l-industrija turistika Malta m’għadhiex tiddependi biss mit-turisti Ingliżi. Mill-banda l-oħra tgħid li Malta tista’ tgawdi wkoll mill-kumpaniji tas-settur finanzjarju li jagħżlu li joperaw minn Malta wara t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

It-temi marbuta mal-Unjoni Ewropea li fl-aħħar jumejn ġew diskussi fil-Kunsill Ewropew fi Brussell, qed ikomplui jiġu diskussi llejla f’Villa Francia f’Ħal-Lija, f’working lunch bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim…

Brexit

L-aħħar Kunsill Ewropew taħt il-Presidenza Awstrijaka ntemm fi Brussell bi ftit li xejn progress fuq il-kwistjoni Brexit. Il-Prim Ministru Ingliża Theresa May dehret iffastidjata b’kummenti tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker…

Ikel

L-awtoritajiet edukattivi u tas-saħħa komplew isostnu d-deċiżjoni li ttieħdet biex fil-parties tat-tfal fl-iskejjel, l-ikel u x-xorb provdut ikun skont lista approvat biex ikun evitat ċertu ikel li mhuwiex tajjeb għas-saħħa….

Parlament

L-Ispeaker Anġlu Farrugia inawgura wirja artistika b’riżq id-Dar tal-Providenza li qed tittellgħa fil-Parlament ta’ Malta. L-Ispeaker Farrugia faħħar lill-fundatur tad-Dar tal-Providenza, il-Monsinjur Dun Mikiel Azzopardi, li ddedika l-ħidma pastorali tiegħu…

Aktar