Unjoni Ewropea
Malta tinsisti dwar budget Ewropew ‘ġust’ f’Kunsill Ewropew ‘jaħraq’ li jibda llum

Dalgħodu fi Brussell jibda Kunsill Ewropew Speċjali – li qed jitlaqqa’ barra minn żmienu – bil-mexxejja Ewropej fosthom il-PM Malti Robert Abela jittamaw li jegħlbu d-differenzi li jeżistu dwar il-budget tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin kif ukoll dwar il-pjan ta’ rkupru mill-effetti tal-pandemija Covid-19.

Tvm.com.mt jinsab infurmat li n-negozjaturi Maltin se jkunu qed jinsistu li l-ftehim aħħari dwar il-budget ikun ġust billi filwaqt li jirrikonoxxi mhux biss it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta fl-aħħar snin jagħraf ukoll ir-realta’ li Malta hija gżira żgħira b’ekonomija li tiddependi ħafna mill-konnettività bl-ajru u bil-baħar u minn turiżmu li fl-aħħar xhur ukoll sofra daqqa minħabba l-pandemija.

Il-pakkett kollu fuq il-mejda tad-diskussjoni jqarreb lejn l-elfejn biljun ewro u jinkludi l-elf biljun ewro skorrutti għall-budget għas-seba’ snin li jintemmu fl-2027. In-negozjati jinvolvu mhux biss min se jieħu x’hiex u kemm iżda anki fuqhiex għandhom jintefqu. Il-Fond ta’ Irkupru mill-pandemija mlaqqam ‘Next Generation EU’ li jinvolvi 750 biljun ewro.

L-ostakli li jintlaħaq ftehim fi tmiem din il-ġimgħa huma ħafna.

Pajjiżi bħall-Olanda, il-Fillandja, l-Awstrija u d-Danimarka qed jippretendu li jieħdu rebates qawwija fuq il-flus li joħorġu; pajjiżi oħra bħal Spanja u l-Italja qed jippretendi li jieħdu aktar flus minn qabel bl-iskuża li l-ekonomija tagħhom għaddiet minn żminijiet diffiċli. Huma mistennija jkunu l-aktar pajjiżi li jibbenefikaw mill-Fond ta’ Irkupru Ewropew maħsub propju biex jagħmel tajjeb għall-ħsara ekonomika li ħolqot l-imxija. Dwar dan ukoll għaddejja diskussjoni. Min irid li dawn il-flus jingħataw bħala self li jitħallas lura fuq numru ta’ snin, u min qed jinsisti li aħjar għotjiet.

L-Ungerija wkoll hija ostaklu għaliex il-PM Viktor Orban fil-bidu tal-ġimgħa kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament ta’ Budapest biex fin-negozjati dwar il-qafas finanzjarju għas-seba’ snin li ġejjin jibqa’ jżomm iebes u ma jaċċetta l-ebda kundizzjonijiet marbuta mas-saltna tad-dritt.

Għaldaqstant kollox jindika li n-negozjati dwar il-budget mistennija jkunu diffiċli bil-mexxejja Ewropej li se jingħalqu bejn erba’ ħitan mill-Ġimgħa filgħodu u ħadd ma jaf meta se joħorġu, jekk hux is-Sibt jew il-Ħadd, jekk hux bi ftehim jew mingħajru.

Sadanittant, mal-wasla tiegħu għas-Summit kmieni dalgħodu fi Brussell, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel ma qagħadx jomgħodha. “In-negozjati se jkunu diffiċli. Sar ħafna xogħol. Mhux qed nitkellmu biss dwar flus imma dwar in-nies, dwar il-futur u l-għaqda tal-Unjoni Ewropea. Minkejja kollox fiduċjużi li jintlaħaq ftehim.”

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Fi tmiem laqgħa tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela, qal li l-Kunsill qabel fuq għadd ta’ punti b’eċċezzjoni għall-Assoċjazzjoni Medika li ma tridx li jsiru attivitajiet bħal…

Kultura

Giuseppe Calì għandu rabta qawwija mal-Knisja tad-Dumnikani fil-Belt, mhux biss b’xogħlijiet ta’ arti tiegħu imma għax tgħammed u għammed lil uliedu f’din il-knisja. Fl-aħħar sena u nofs sar xogħol ta’…

Ambjent

L-għawwiema din is-sena wisq probabbli li qed jirnexxielhom jiskansaw xi tniggiża minn xi brama. Dan minħabba li l-klima sħuna ta’ din is-sena wasslet biex il-qatgħet ta’ bram jidħol qabel beda…

Infrastruttura

Il-proġett tal-parkeġġ pubbliku f’Birżebbuġa, biswit il-Port Ħieles, daħal fil-fażi tal-evalwazzjoni. Fi stqarrija l-Gvern qal li tmien kumpaniji wrew l-interess tagħhom f’dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €3.2 miljun mill-Ministeru…

Aktar