Negozju
Malta tipprepara biex terġa’ tieħu sehem fl-EXPO f’Dubaj

Il-mobile, it-television, l-elettriku, il-‘cone’ tal-ġelat u l-‘hot dogs’ – ħames oġġetti li żgur mhux forsi kulħadd iltaqa’ magħhom.

Fattur komuni bejniethom huwa li lkoll ġew esposti lid-dinja għall-ewwel darba fil-fiera dinjija EXPO li ssir kull ħames snin u li l-ewwel edizzjoni tagħha ttellgħet f’Londra fl-1851.

Fil-fatt, l-EXPO serviet sabiex minnha ħarġu wħud mill-aqwa invenzjonijiet u li llum-il ġurnata nużawhom ta’ spiss fil-ħajja ta’ kuljum.

Tul is-snin il-fiera kibret ferm, biex issa, f’Ottubru li ġej, il-Belt ta’ Dubai fl-Emirati Għarab Magħquda se tkun qed ittella’ l-edizzjoni tal-EXPO 2020, l-ikbar fiera dinjija li qatt ittellgħet sa issa.

Crew ta’ Television Malta żar l-Emirati sabiex isegwi l-preparamenti li qed isiru għal din il-fiera, li f’sitt xhur mistennija jżuruha madwar 25 miljun viżitatur.

Il-villaġġ ta’ erba’ kilometri kwadri u nofs, li nbena apposta għall-EXPO, għandu fiċ-ċentru tiegħu l-padiljun prinċipali, li fih dawk li jattendu se jkunu jistgħu jaraw l-invenzjonijiet ġodda li bħalma ġara fil-passat, daħlu u bidlulna l-mod kif ngħixu.

Ftit passi bogħod mill-padiljun prinċipali wieħed isib il-padiljun ta’ Malta li fi kliem il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, Kurt Farrugia, se jkun armat biex Malta tieħu sehem b’mod sħiħ u ċentrali f’dan l-avveniment importanti.

“Il-pajjiż qed jinvesti ammont konsiderevoli ta’ ħin, riżorsi, u anke flus biex nipparteċipaw fil-World Expo … din se tkun waħda mill-ikbar laqgħat għall-‘businesses’ fid-dinja … allura l-mument li Malta turi l-kwalitajiet tagħha bil-padiljun, u anke jintuża bħala spazju fejn tlaqqa’ l-investituri, tattira l-investiment, u anke jkun spazju għall-intrapriża Maltija sabiex turi ix-xogħol illi tagħmel f’Malta.”

Farrugia spjega li fiera dinjija bħal din se tgħin mhux biss lil Malta iżda lit-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi madwar id-dinja.

“Id-dinja kollha bħalissa ħierġa minn sitwazzjoni globali li kienet bla preċedent, allura anke l-fatt li dawn l-eluf kbar, mijiet t’eluf kbar, se jiltaqgħu hawnhekk, bil-prekawzjonijiet kollha, u se jkun hemm ‘showcase’ tal-‘businesses’ għad-dinja kollha, u post fejn l-intrapriża tiltaqa’, u tiddiskuti kif tista’ toħroġ minn din is-sitwazzjoni u tagħmel in-negozju, bejn pajjiż u ieħor, naħseb illi huwa spazju importanti.”

L-EXPO 2020, li kellha issir is-sena li għaddiet iżda ġiet posposta minħabba il-pandemija, hija l-akbar waħda sa issa, fejn fil-belt ta’ Dubai nbena villaġġ apposta.

Lihinn mill-innovazzjoni li ntużat sabiex inbena dan il-villaġġ, il-miljuni ta’ persuni li se jattendu għal din il-fiera qed iħarsu ‘l quddiem biex jaraw liema invenzjoni ġdida se tidħol f’ħajjitna u tbiddel il-mod kif ngħixu għaż-żmien li ġej.