Kriminalità
Malta tirrapporta żewġ każi ta’ frodi lill-Prosekutur Ewlieni Ewropew

F’ħames xhur Malta rrappurtat żewġ każi ta’ frodi jew ħasil ta’ flus lill-Uffiċċju tal-Prosekuturi Pubbliċi Ewropej (EPPO).

Dan qalitu l-Prosekutur Ewlieni Ewropew Laura Kovesi fi żjara f’Malta li matulha ħeġġet lill-awtoritajiet konċernati biex jirrappurtaw iktar każi ta’ reati finanzjarji li joriġinaw minn attività kriminali organizzata.

L-Uffiċċju tal-Prosekuturi Pubbliċi Ewropej (EPPO) irċieva biss żewġ rapporti ta’ allegat kriminalità finanzjarja f’Malta – biż-żewġ rapporti ma setgħux jiġu investigati mill-istess uffiċċju minħabba li ma jaqgħux taħt il-poteri tiegħu.

Ħabbret dan waqt żjara li għamlet f’pajjiżna l-Prosekutur Ewlieni Ewropew, Laura Kovesi, f’intervista maċ-Ċentru tal-Aħbarijiet, li matulha qalet kif in-numru ta’ rapporti li l-uffiċċju rċieva dwar Malta jikkuntrasta mal-ammont ta’ rapporti li l-istess uffiċċju rċieva fuq pajjiżi oħra f’dawn l-aħħar 5 xhur kemm ilu mwaqqaf.

“In Malta we have two European Prosecutors, they have the same powers the national police and prosecutors have in Malta, they are in charge to make the investigations in the cases based on the criminal code and procedure there is in Malta and each member states for every member state”.

Minkejja n-numru baxx ta’ rapporti, Kovesi qalet li dan ma jfissirx li m’hawnx iktar reati finanzjarji f’Malta u ħeġġet lill-awtoritajiet biex jirrappurtaw iktar każi ta’ din ix-xorta għax huma fid-dmir li jagħmlu dan, l-iktar meta r-reati finanzjarji joriġinaw minn kriminalità organizzata jew li jimplikaw attività kriminali finanzjarja li ssir f’iktar minn pajjiż wieħed.

Kovesi spjegat li meta jsir rapport dwar persuna jew kumpanija akkużati reati ta’ natura finanzjarja, il-każ jinstema fil-Qorti tal-pajjiż bil-prosekuzzjoni tkun immexxija mill-prosekutur tal-pajjiż.

Hija qalet li fi ftit xhur l-Uffiċju għandu quddiemu eluf ta’ rapporti minn diversi pajjiżi Ewropej b’allegazzjonijiet varji.

“We started in the first of June and we registered more than 2,200 criminal reports which we recieved from the national authorities, from the European bodies, but even from private parties, from citizens, from NGO’s and based on this information we have open more than 380 investigations in 22 member states”.

Kovesi qalet li l-Uffiċċju għandu relazzjonijiet tajbin mal-awtoritajiet Maltin fejn dawn ikkommettew ruħhom li se jgħinu l-missjoni tal-istess uffiċċju.

Hija sostniet li issa tistenna li l-impenn jissarraf fil-prattika għax skontha l-ebda pajjiż fid-dinja mhu nadif fil-mod kif jintefqu l-flus u dan huwa fattur li jirriżulta minn studji li jsiru fuq dan il-qasam.