Kultura
Malta tislef pittura għal wirja dwar Dante Alighieri fl-Italja

Il-mużew nazzjonali tal-arti MUŻA silef għal ftit xhur il-pittura “Kristu Rxoxt iħaddan is-Salib” tal-artist ċelebri Guido Reni, biex tkun esebita f’wirja li se tfakkar is-seba’ ċentinarju mill-mewt tal-poeta, kittieb u filosofu Taljan, Dante Alighieri.

Noel Zammit, Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, qal li din il-wirja, minbarra l-valur artistiku kbir tagħha, hija wkoll opportunità biex nazzjonijiet u entitajiet differenti jikkollaboraw bejniethom.

Il-belt ta’ Forlì għandha rabtiet ma’ Dante billi għex fiha għal aktar minn sena wara li telaq minn Arezzo fil-ħarifa tal-1302. Il-wirja se tkun vjaġġ matul l-istorja tal-arti bejn iż-Żminijiet tan-Nofs u l-preżent, b’madwar 300 pittura mis-seklu 13 sas-seklu 20 – xogħlijiet ta’ Giotto, Filippino Lippi, Lorenzo Lotto, Michelangelo u Tintoretto, Boccioni u Casorati, fost oħrajn, li jirreferu b’mod dirett lejn Dante jew ġew ispirati mit-temi letterarji tiegħu.

Il-pittura mislufa, xogħol Reni, li tmur lura għall-1619, huwa żejt fuq it-tila mnebbaħ mill-iskultura “Cristo Risorto” ta’ Michelangelo Buonarroti li tinsab fil-knisja ta’ Santa Maria Sopra Minerva f’Ruma. Din il-pittura ntalbet billi nħass li f’sens metaforiku tirrappreżenta r-rabta bejn l-arti u l-figura u x-xogħlijiet ta’ Dante.

Kenneth Cassar, Kuratur Anzjan ta’ MUŻA fi ħdan Heritage Malta, qal li għandna nkunu kburin bil-fatt li ntgħażel dan il-kwadru biex ikun wieħed mill-opri ċentrali ta’ din il-wirja prestiġjuża. “Din it-talba hi ċertifikat, jekk qatt kien hemm bżonnu, li dan il-kwadru ċelebri, li fl-imgħoddi kien jifforma parti mill-kollezzjoni tal-Gran Mastru fil-Palazz tiegħu, hu tassew opra ta’ valur internazzjonali.”

Noel Zammit, Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, qal li din il-wirja, minbarra l-valur artistiku kbir tagħha, hija wkoll opportunità biex pajjiżi u entitajiet differenti jikkollaboraw bejniethom.

Il-wirja mhix biss opportunità biex jitfakkar l-anniversarju tal-mewt ta’ Dante iżda għandha wkoll l-għan li tkun simbolu ta’ fidwa u twelid mill-ġdid għad-dinja tal-arti u l-ispirtu ta’ kultura u ċivilizzazzjoni li tirrappreżenta.