Lokali
Malta titlef il-kawża fil-Qorti Ewropea dwar l-insib tal-għasafar tal-Għana – il-Gvern qed jevalwa d-deċiżjoni bir-reqqa

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet kontra Malta fil-kawża li l-Kummissjoni Ewropea fetħet kontra Malta fuq l-applikazzjoni tad-deroga dwar l-insib għall-għasafar tal-Għana wara li l-Gvern kien reġa’ fetaħ l-istaġun bejn l-2014 u s-sena l-oħra. Id-deċiżjoni ntlaqgħet tajjeb mill-Birdlife u għaqdiet oħra li jopponu dan id-delizzju filwaqt li rrabjat bil-kbir lin-Nassaba, bl-għaqda tagħhom tindika li ser tipprova li mill-mitluf isalva li tista’. Il-Gvern min-naħa tiegħu qal li ser jistudja bir-reqqa s-sentenza tal-qorti Ewropea tal-ġustizzja.

Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddeċidiet li d-deroga tal-Gvern Malti biex fl-2014 reġa’ beda l-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana mhix skont id-Direttiva.

Il-Qorti Ewropea kkonkludiet li n-numri ta’ għasafar maqbuda f’Malta ma saritx skont prattika sostenibbli meta mqabbel mal-ammont tal-għasafar li jpassu minn fuq Malta mill-Ewropa.

Il-Qorti qieset li lanqas il-kundizzjoni li għandu jkun hemm insib selettiv għal għasafar tal-għana ma kienet segwita bix-xbieki li jintużaw fl-insib. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti kkonkludiet li l-awtoritajiet Maltin naqsu milli jwettqu infurzar strett. Qalet li kważi kwart biss tan-nassaba minn 4,000 li kellhom il-liċenzja sarulhom spezzjonijiet. Il-Qorti ordnat ukoll li l-ispejjeż tal-kawża jitħallsu mill-Gvern Malti għalkemm ma imponiet l-ebda multa jekk il-Gvern Malti jwettaq id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea.

Fi stqarrija, il-Gvern waqt li innota li d-deċiżjoni mhix appellabbli, qal li qed jevalwaha bir-reqqa biex kwalunkwe deċiżjoni li jieħu tkun studjata. Mistoqsi minn TVM jekk hemmx rimedju għad-deċiżjoni, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri wieġeb b’kawtela.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li “ikun prematur li issa nikkummenta u nagħti xi tip ta’ tama. Ovvjament ser nagħtu d-direzzjoni ‘l quddiem fil-ġimgħat li ġejjin. Li jkollna l-istudji ta’ din is-sentenza kompluti; ikollna direzzjoni ċara mbagħad il-Gvern jevalwa l-pass li jmiss xi jkun”.

Madankollu l-Perit Camelleri ma ħebiex il-fatt li huwa diżapuntat bid-deċiżjoni. Wera ruħu sorpriż li l-Qorti Ewropea ma kinitx sodisfatta bil-livell ta’ infurzar. Ammetta li kien hemm punti li l-Qorti seta’ kellha raġun dwarhom.

Huwa qal li fl-aħħar snin il-Gvern għamel dak kollu possibbli biex iħalli l-insib għaddej u ddedika r-riżorsi kollha possibbli biex iddefenda l-każ bl-aħjar mod flimkien mal-għaqdiet li jirrappreżentaw lin-nassaba.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife, Mark Sultana, appella lill-Gvern biex jonora l-verdett tal-Qorti tal-Ewropea u jirtira r-regolamenti li kienu ddaħħlu fl-2014.

Mark Sultana qal li “il-Qorti sabet li Malta mhix kapaċi li tkun qed tosserva dak l-ammont kbir ta’ nassaba; filwaqt iddikkjaraw mat-23% biss li b’xi mod jew ieħor kellhom xi checking anke kemm kien kbir jew le dak iċ-checking kien dubjuż, imma li 23% biss min-nassaba kollha ġew b’xi mod jew ieħor ġie konness ma’ xi checking juri ċar li ma konniex kapaċi li ninfurzaw l-istrict supervision clause”.

Is-Sur Sultana qal li dan il-verdett jista’ jitqies bħala messaġġ lill-Gvern biex iwaqqaf ukoll l-insib għall-pluviera u l-malvizz. Fl-istess ton tkellem il-kumitat kontra l-qtil tal-għasafar il-CABS li qal li ser jimmobilizza l-volontiera tiegħu biex fil-ħarifa li ġejja jassigura li ma jsirx insib f’Malta.

Il-President tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, Joe Perici Calascione, qal li l-FKNK ma taqbel assolutament xejn mal-verdett tal-Qorti Ewropea. Sejjaħ id-deċiżjoni bħala inġusta u disrkiminatorja. Iddikjara li bl-ebda mod is-sentenza mhi qed tneħħi d-dritt ta’ Malta li tapplika deroga korretta fil-futur.

Il-President tal-FKNK, Joe Perici Calascione qal li “aħna ħa nibdew minn issa nitkellmu mal-Gvern biex naraw nindirizzaw in-nuqqasijiet li allegatament hemm fis-sentenza biex dawn jiġu indirizzati ħalli nkunu nistgħu napplikaw deroga għall-insib tal-għasafar tal-għana li hija parti integrali mill-ħajja u l-kultura tagħna u li tagħmilna differenti minn kulturi differenti t’oħrajn għall-futur”.

L-FKNK qal li jekk ma jsirx hekk Malta ma tkunx qiegħda fl-istess Unjoni Ewropea għax f’pajjiżi oħra hemm ukoll il-prattika tal-insib.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Occupy Justice u Awturi qalu li jinsabu tassew iddispjaċuti jaraw l-alleanza politika bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni tikkonsolida ruħha biex tinħeba l-verità u titbiegħed il-ġustizzja. Fi stqarrija, qalu li hu dmir…

Lokali

Il-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qalet li l-pubbliku Malti ma jistax sempliċiment jaċċetta l-fatt li qatt ma jkun jaf għal min twaqqfet il-kumpanija Egrant. F’dikjarazzjoni lill-midja, il-familja Caruana Galizia qalet…

Ekonomija

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) qed tavża dwar l-entità li topera bl-isem FXenergy u li għandha preżenza fuq l-internet fis-sit elettroniku https://www.fxenergytrade.com/#/ Fi stqarrija, l-MFSA qalet li b’mod qarrieqi…

Knisja Maltija

Waqt il-Maratona Oħloq Tbissima, maratona ta’ 60 siegħa xandir live b’risq is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) inġabru €164,067. Matul is-sittin siegħa, il-pubbliku pparteċipa f’quddies, rużarju u mumenti oħra ta’…

Aktar