Politika
Malta tixtri residenza fi New York biex isservi bħala l-ambaxxata l-ġdida

Ir-rappreżentanza permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York se tkun qiegħda topera minn ambaxxata ġdida li tinsab viċin il-headquarters tan-Nazzjonijiet Magħquda.

L-Ambaxxatriċi Vanessa Frazier, li hija r-rappreżentanta permanenti ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Magħquda, qalet li l-ambaxxata l-ġdida se tkun qiegħda tintuża biex tlaħħaq maż-żieda fix-xogħol tal-ambaxxata għall-kandidatura ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijet Magħquda.

Din il-binja li għadha kemm inxtrat mill-Gvern Malti f’48 Street fi New York se tkun qiegħda tospita l-missjoni permanenti ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Magħquda.

L-ambaxxata l-ġdida li nxtrat għal ftit iktar minn €8 miljun hija mifruxa fuq erba’ sulari u tinsab fil-proċess li tiġi mibdula minn residenza għall-uffiċini.

Bl-ambaxxata l-ġdida Malta se jkollha preżenza f’żona fejn diversi pajjiz għandhom preżenza diplomatika viċin il-binja tan-Nazzjonijet Magħquda.

Fl-ewwel intervista tagħha mill-ambaxxata l-ġdida, ir-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Magħquda Vanessa Frazier qalet li d-deċiżjoni biex tinxtara ambaxxata ġdida minflok l-ambaxxata preżenta li tinsab f’35th Street ittieħdet diversi snin ilu u li l-proċess biex tinstab binja addattata u tinxtara ħa diversi snin.

“Id-diplomazija Maltija evolviet ħafna … l-ambaxxata li għandna fi New York hija l-ewwel ambaxxata li ftaħna … meta sirna indipendenti kienet l-ewwel ambaxxata li ftaħna … it-tim fi New York kiber u se jkompli jikber u allura għandna bżonn binja li tista tospita mhux biss it-tim tagħna imma wkoll l-irwol ikbar li Malta se tkun qiegħda tieħu fin-Nazzjonijiet Maqgħuda”.

L-Ambaxxatriċi Frazier qalet li bħalissa r-rappreżentanza fi New York tinsab għaddejja bil-kampanja tagħha għall-kandidatura tagħha fuq il-Kunsill tas-Sigurtà.

Jekk fl-elezzjoni li se ssir f’Ġunju tas-sena d-dieħla Malta tiġi eletta fuq il-Kunsill, bejn l-2023 u l-2024, Malta jkollha siġġu madwar il-mejda tal-Kunsill tas-Sigurtà u tkun waħda mill-15-il pajjiż li jpoġġu fuq dan il-Kunsill li għandu rwol importanti għall-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja.

L-ambaxxatriċi Frazier tkellmet dwar il-prospetti ta’ Malta għall-elezzjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.

“Għandi ngħid li kunfidenti ħafna, naħseb li jkollna riżultat tajjeb ħafna. Malta għandha brand siewi u soda fil-UN. Malta tat kontribut importanti fil-UN matul is-snin”.

Mistoqsija dwar l-aħħar żviluppi fl-Afganistan, l-Ambaxxatriċi Frazier qalet li Malta se tkun qiegħda taħdem għall-waqfien mill-ġlied u biex il-poplu tal-Afghanistan – speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn – jingħataw l-għajnuna umanitarja li għandhom bżonn.

Hija żiedet tgħid li l-kisbiet ekonomiċi u soċjali ta’ dawn l-aħħar 20 sena m’għandhomx jintilfu jew jintesew u li d-drittijiet tan-nisa, tfal u l-minoritajiet – inkluz l-aċċess ghall-edukazzjoni u s-saħħa – għandhom jiġu mħarsa.