LGBTIQ
Malta toffri li tospita l-EuroPride 2023

Malta varat l-offerta tagħha biex tospita il-EuroPride 2023 biex daħlet għall-aħħar proċess tal-għażla finali li tinkludi wkoll lill-Rotterdam fl-Olanda u Belfast fl-Irlanda.

Il-EuroPride hija meqjusa bħala l-iktar avveniment sinjifikattiv fl-Ewropa li jsir kull sena u jattira eluf ta’ nies minn madwar id-dinja kollha, f’manifestazzjoni mifruxa fuq numru ta’ ġranet li tiffoka fuq id-drittijiet ugwali flimkien ma’ attivitajiet kulturali.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rosianne Cutajar qalet li lokalment tul dawn l-aħħar 15-il sena, il-Pride March trasforma ruħu minn attività bi ftit nies, għal waħda mill-manifestazzjonijiet li kull sena tiġbed lejha numru ikbar ta’ nies.

“Il-gvern jappoġġja bis-sħiħ dan l-avveniment għax kien dan il-gvern li matul dawn l-aħħar 7 snin ħadem qatigħ biex ipoġġi fuq quddiemnett tal-aġenda tiegħu d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ għaliex kulħadd huwa ugwali,” qalet is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar.

Is-Segretarju Parlamentari Cutajar qalet li jekk tingħażel l-offerta ta’ Malta, il-EuroPride 2023 li jsir fil-Belt Valletta, għandu jservi ta’ opportunità biex Malta tilqa’ persuni LGBTIQ mill-Ewropa kollha u ‘l hinn, u dan huwa dover ta’ Malta biex tkompli ssostni d-drittijiet u l-kunċett tal-ugwaljanza fost kulħadd, speċjalment meta f’pajjiżi oħra persuni LGBTIQ għadhom isofru diskriminazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

L-organizzaturi, il-European Pride Association ippubblikat it-tliet offerti finali għall-EuroPride 2023 bl-offerta Maltija tfasslet flimkien bejn l-Allied Rainbow Communities, il-Malta Gay Rights Movement, l-LGBTIplusGozo, id-Drachma u d-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Aħbarijiet Oħra

Il-viżjoni li tixpruna l-programm li tħejja għall-istaġun li jmiss ta’ Spazju Kreattiv taħseb biex tegħleb l-isfidi tal-Covid-19, bl-organizazzjoni ta’ 400 attività bis-sehem ta’ 320 artist u 17-il għamla ta’ arti…

Fil-Jum Dinji tat-Tindif, l-attivitajiet f’Malta kienu ffukati biex iwasslu messaġġ dwar il-ħsara li jagħmel il-plastik fil-baħar. Minn attivitajiet ta’ tindif f’erba’ bajjiet popolari, f’għodwa waħda nġabru ‘l fuq minn 150…

Aktar