Immigrazzjoni
Malta tisħaq għall-patt bejn l-UE u l-Libja dwar l-immigrazzjoni irregolari

Malta tenniet l-appoġġ sħiħ lil-Libja sabiex il-fruntieri marittimi fir-reġjun tal-Mediterran u territorjali fin-naħa t’isfel tal-pajjiż mal-konfini tad-Deżert Sahara jkunu mgħassa aħjar fi sforz ieħor sabiex jitrazżan il-fenomenu tat-traffikar tal-bnedmin u l-kriminalita’ organizzata fost l-oħrajn.

F’maratona ta’ laqgħat li kellu fi Tripli, il-Ministru tal-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri saħaq li Malta u l-Libja għandhom rwol komuni u importanti għall-istabilità u s-sigurtà fil-Mediterran.

F’diskussjonijiet li kellu mal-Ministru tal-Intern Libjan Khaled Mazen u mal-Ministru tal-Istat Libjan għall-Affarijiet tal-Immigrazzjoni Ijdid Maatouk Jadeed iż-żewġ pajjiżi qablu li jistgħu jaħdmu aktar mill-qrib fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-ġlieda kontra l-kriminalità.

Il-Ministru Camilleri estenda l-id tal-ħbiberija sabiex Malta toffri taħriġ u kolloborazzjoni akbar fis-settur tad-difiża u b’sodisfazzjon innota l-iżviluppi pożittivi li qed jikseb dan il-pajjiż ġar tal-Maghreb.

Kien proprju bħal dan iż-żmien sena meta Malta u l-Libja ffirmaw ftehim bilaterali sabiex jrażżnu l-fenomenu tal-immigrazzjoni irregolari fiċ-ċentru tal-Mediterran.

F’kummenti ma’ Television Malta, il-Ministru Camilleri faħħar il-ħidma tal-awtoritajiet Libjani anke jekk sostna li l-fenomenu tal-immigrazzjoni għadu magħna.

“Din l-isfida għadha magħna, jeħtieġ li nkunu preparati u nibqgħu naħdmu fuq ir-relazzjoni eċċelenti li għandha Malta mal-Libja sabiex inkomplu nsaħħuhom”.

Waqt li rrikonoxxa li għad baqa’ ħafna xi jsir dwar l-immigrazzjoni irregolari, il-Ministru Camilleri laqa’ wkoll b’sodisfazzjon id-diversi laqgħat li delegazzjonijiet Ewropej qed jagħmlu fil-Libja nkluż Kummissarji Ewropej biex jindirizzaw din l-isfida.

“Sena ilu konna aħna biss, b’sodisfazzjon ninnota li pajjiżi oħra qed jimxu fuq il-passi ta’ Malta, mhux biss pajjiżi Ewropej iżda anke kummissarji oħra Ewropej, nieħdu gost u b’sodisfazzjon ninnota li kellhom diskussjonijiet mal-Gvern Libjan”.

Lilhinn mill-immigrazzjoni irregolari għad-diskussjoni kien hemm l-investiment in-negozju fil-Libja b’Malta tidher li hija impenjata sew biex il-Libja tirkupra b’mod ekonomiku u jsir dak l-investiment barrani dirett fil-Libja.