Unjoni Ewropea
Malta tuża l-fondi kollha tal-Unjoni Ewropea – €242 miljun

Matul is-sena li għaddiet Malta rnexxilha tuża €242 miljun f’fondi tal-Unjoni Ewropea li ġew allokati lilha mill-budget li jiskadi s-sena d-dieħla. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia qal li b’hekk Malta ma tilfitx ċenteżmu wieħed mil-fondi allokati liha mill-Unjoni Ewropea.

Il-proġett tal-mużew nazzjonali tal-arti kontemporanja ‘MUŻA’ li għadu kif ġie inawgurat wara investiment ta’ €10 miljun; il-junction tal-Marsa li se tiswa’ €65 miljun u r-riġenerazzjoni tal-villaġġ tas-snajja’ f’Ta’ Qali b’valur ta’ €14-il miljun qed isiru b’ko-finanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropea li Malta ġiet allokata għall-perjodu 2014 sal-2020. It-total ilaħħaq ftit aktar minn biljun u mitt miljun ewro (Fondi allokati għal Malta 2014-2020 – €1.12 biljun).

Kull sena – tul dan il-perjodu ta’ seba’ snin, il-Kummissjoni Ewropea tfassal miri annwali u tħeġġeġ lill-Gvernijiet jonfqu l-fondi allokati għalihom fil-ħin bil-għan li ma jitilfu l-ebda flus li huma ppjanati li jintużaw għat-titjib infrastrutturali, ambjentali u soċjali fost l-oħrajn.

Mistoqsi minn TVM jekk Malta rnexxiliex tilħaq mal-miri għall-2018, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali, Aaron Farrugia qal li l-Gvern rnexxilu jagħmel kisba sinifikanti ħafna u assigura li ma jintilfu l-ebda fondi.

Aaron Farrugia qal “id-disbursement targets għall-2018 ilħaqniehom u Malta rnexxilha tonfoq €242 miljun sal-2018 u dawn marru fi proġetti li l-Maltin u l-Għawdxin jistgħu jarawhom u llum kburi ngħid li Malta ma bagħtitx ċenteżmu wieħed lura lejn Brussell”.

Dr Farrugia qal li l-fatt li Malta nefqet il-fondi li kellha allokati lilha, ipoġġi lit-tim ta’ negozjaturi Maltin f’pożizzjoni ferm iktar b’saħħitha sabiex jikbu pakkett ġust fil-budget li jmiss, liema negozjati għandhom jagħlqu lejn l-aħħar tal-ħarifa dis-sena.

Aaron Farrugia qal “ifisser li nistgħu mmorru għand il-KE anke fin-negozjati li Malta għandha għall-fondi Ewropej wara l-2020 u mmorru b’kunfidenza għax Malta għamlet xogħol tajjeb u l-KE taf li l-fondi użajnihom fil-ħin u bil-għaqal”.

Għall-Budget li b’mod globali mistenni jonqos minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit, Malta qed tagħmel pressjoni mal-Kummissjoni Ewropea li minkejja l-progress ekonomiku li għamlet fl-aħħar snin, l-Unjoni m’għandhiex tnaqqas l-allokazzjoni finanzjarja.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-membri ġodda li ġew eletti fil-kunsill tal-Kamra tal-Kummerċ kellhom laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja. Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb, qal li l-Kamra tal-Kummerċ se tkompli taħdem fl-interess tan-negozju….

Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li huwa ironiku li Dr Simon Busuttil u Dr Jason Azzopardi ffirmaw rikors biex il-Qorti twaqqaf il-ħatriet tat-tliet Imħallfin u tliet Maġistrati. Illum, fil-Palazz tal-President,…

Lokali

Fil-Palazz tal-President, ingħataw il-ġurament tal-ħatra tliet Imħallfin u tliet Maġistrati ġodda. Il-ġuramenti tal-ħatra ngħataw mill-President George Vella li ħeġġeġ lill-Gvern biex ifassal u jimplimenta l-miżuri li jsaħħu l-indipendenza tal-ġudikatura kif…

Lokali

L-Awtorità tad-Djar qalet li qed toffri l-assistenza neċessarja lill-familji milquta mit-tiġrif ta’ parti minn blokka ta’ appartamenti fi  Gwardamanġa. Fi stqarrija l-Awtorità tad-Djar qalet li hija nfurmata li l-erba’ familji…

Aktar