Immigrazzjoni
Malta u 163 pajjiż jiffirmaw il-Patt Globali dwar l-Immigrazzjoni Ordnata u Regolari

164 pajjiż fosthom Malta iffirmaw dak li qed jissejjaħ Patt Globali dwar l-Immigrazzjoni Ordnata u Regolari. Waqt ċerimonja f’Marrakech fil-Marokk, intqal li dan il-patt se jwassal għall-immaniġġjar aħjar tal-migrazzjoni f’tentattiv li jinġiebu fi tmiemhom it-tbatijiet u l-kaos. L-Istati Uniti, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u l-Ungerija, iddeċidew li ma jissieħbux fil-patt; filwaqt li l-Italja u l-Iżvizzera huma fost dawk li ma ħadux pożizzjoni finali.

Sadanittant studju tal-Kap tad-Dipartiment tal-Liġi Ċivili Dr David Edward Zammit juri kif il-mod kif il-Maltin iħarsu lejn l-immigranti u r-refuġjati tul is-snin ġie influwenzat mhux ftit mill-mod kif ġew implimentati d-direttivi u liġijiet Ewropej dwar il-protezzjoni u l-istatuses differenti maħluqa biex jikkategorizzaw immigranti differenti.

Dr Zammit ingħata rikonoxximent għal dan l-istudju f’għeluq is-70 anniversarju mid-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

F’Malta ilna 15-il sena u ftit aktar nitkellmu u inhossu l-isfida tal-immigrazzjoni fil-Mediterran.

L-implimentazzjoni tad-direttivi Ewropej minn Gvernijiet differenti, kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom bil-ħolqien ta’ kategoriji differenti ta’ immigranti – min bi status ta’ refuġjat u min bi status umanitarju jew xort’oħra – influwenza mhux ftit lill-Maltin fil-mod kif iħarsu lejn l-immigranti f’nofshom.

Dan isostnieh Dr David Edward Zammit, Kap tad-Dipartiment tal-Liġi Ċivili fl-Universita’ ta’ Malta li fi studju jispjega kif l-implimentazzjoni tal-ligijiet wasslet biex tinbet l-idea li r-refuġjati taparsi għandhom bżonn l-għajnuna.

Dr David qal “fil-verità hemm reżistenza kbira għall-idea li veru hemm refuġjati ġenwini… Maltin jgħidu dawn kollha nies li qed jivvintaw stejjer biex japprofittaw mill-karità tagħna.” Dr Zammit isostni li f’ċertu każi l-liġijiet saħħew il-perċezzjonjiet dwar ir-refuġjati u fl-istess ħin ħolqu ċirku vizzjuż.

Dr David qal “fejn jgħidulek jien ilni 10 snin bi humanitarian status. Dawn l-statuses mhux veru tawni drittijiet imma pjuttost qegħduni f’pożizzjoni li nista’ nittallab għall-karità. Il-perċezzjoni ta’ ħafna Maltin hi dawn kemm huma wiċċhom tost li qed jitolbu drittjiet.” Għal Dr Zammit il-konkluzjoni hija loġika.

“Perċezzjonijiet li jeżistu fis-soċjetà huma marbuta mas-sistemi legali u istituzzjonali li żviluppajna biex dawn in-nies nikkejterjaw għalihom” qal David.

Fl-aħħar jiem dan l-istudju ta’ Dr Zammit ingħata rikonoxximent ewlieni waqt konferenza annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem f’eghluq is-70 anniversarju mid-Dikjarazzjonijiet Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Inqas minn tliet xhur wara li ġie fi tmiemu s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ, eluf ta’ żgħażagħ qed jinġabru fil-Panama għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Il-Papa Franġisku jasal il-Panama għada bil-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħqu…

Ikel

Fl-isfond tal-kontroversja li bdiet wara s-servizz tal-aħbarijiet ta’ TVM mal-Imam Mohammad Elsadi, dwar il-qtil tal-annimali bir-ritwal Musulman, komplejna nsegwu l-kwistjoni. Mhux eskluż li l-qtil tal-annimal bis-sistema tal-halal, għalkemm mhux isir…

Trasport

Is-sidien tal-pompi tal-petrol bdew b’azzjonijiet industrijali minħabba nuqqas ta’ ftehim mal-Gvern dwar it-talba għal żidiet fil-qligħ tagħhom. L-azzjoni ewlenija hi li l-pompi mhux se joffru s-servizz mill-magni awtomatiċi wara s-sitta…

Familja

Matul is-sena li għaddiet kien hemm xejn inqas minn 1,303 koppji li żżewġu fuq cruise liner li jtajjar il-bandiera Maltija. Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Prim Ministru Joseph Muscat għall-mistoqsija tad-Deputat…

Aktar