Saħħa
Malta u 9 pajjiżi oħra b’ħidma biex isibu soluzzjoni fil-prezzijiet tal-mediċini li jvarjaw fl-UE

Il-prezzijiet tal-mediċini f’uħud mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jvarjaw b’aktar minn seba’ darbiet. Fl-isfond ta’ dan, Malta u disa’ pajjiżi oħrajn iddeċidew li jippruvaw itemmu din il-prattika billi jsibu soluzzjonijiet politiċi u legali għal iktar trasparenza f’dan in-negozju ta’ miljuni ta’ ewro.

Id-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne qal li l-Ministri tas-Saħħa Ewropej li ltaqgħu f’Malta talbu lill-kumitat tekniku tal-‘Valletta Declaration’ biex sa xahrejn oħra jippreżenza rakkomandazzjonijiet speċifiċi fosthom dwar it-tixrid tal-informazzjoni u l-possibiltà li wħud mill-pajjiżi jixtru l-mediċini flimkien.

Malta u disa’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li sentejn ilu ffurmaw alleanza fl-isfond tal-Valletta Declaration qablu li jindirizzaw l-isfida tad-diskrepanza kbira fil-prezzijiet tal-mediċini li l-istess pajjiżi jixtru mingħand il-kumpaniji tal-farmaċewtika.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal li huma jridu aktar trasparenza għaliex sa issa x-xiri tal-mediċini qed jiġi negozjat mill-pajjiżi individwali mal-kumpaniji farmaċewtiċi. Qal li t-tnejn li huma marbutin b’kunfidenzjalità u segretezza kbira.

Dr Fearne semma bħala eżempju kif fost dawn l-għaxar pajjiżi nstab li mediċina partikolari tinxtara għall-prezz ta’ €120,000 minn pajjiż minnhom u €800,000 minn pajjiż ieħor.

“Issa qed nitħaddtu bejnietna biex naraw kif nistgħu nsibu metodi li huma legali illi naqsmu dik l-informazzjoni bejnietna biex meta nkunu qed ninnegozjaw inkunu f’parità ta’ informazzjoni u ninnegozjaw aħjar, dan se jwassal biex il-pajjiżi kollha jkollhom prezzijiet aħjar għall-mediċini li mbagħad ikunu jistgħu jintużaw mill-pazjenti tagħna”

F’laqgħa fil-Belt, il-Ministri tas-Saħħa ta’ Malta, Spanja, Ċipru, l-Irlanda, l-Italja, ir-Rumanija, il-Greċja, il-Portugall, is-Slovenja u l-Kroazja qablu wkoll li quddiem iż-żieda fil-mikrobi wħud minnhom qattiela, jikkonvinċu lill-industrija tal-farmaċewtika terġa’ tibda tipproduċi anti-bijotiċi effettivi.

“Allura huwa fl-interess mhux biss tagħna bħala pajjiżi li niżviluppaw anti-bijotiċi ġodda imma nistgħu nidħlu fi djalogu mal-industrija biex flimkien ikollna l-ewwel eżempji ta’ kif nistgħu nsibu prezzijiet li huma ġusti għall-industrija biex tkompli ssir ir-riċerka imma ġusti wkoll għall-pazjenti tagħna u għall-Gvernijiet li qegħdin jixtru dawn il-mediċini”

Fl-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea ppruvat tieħu azzjoni dwar dawn iż-żewġ sfidi u waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, uħud mill-pajjiżi li issa żdiedu għal għaxra ffirmaw il-Valletta Declaration u waqfu alleanza biex jassiguraw li l-mediċini jaslu fis-suq bi prezzijiet sostenibbli u raġjonevoli.

Aħbarijiet Oħra
Annimali

F’park tal-annimali fl-Imtaħleb is-sidien Christopher Borg u Oksana qisha twieldet tarbija ġdida fil-park, din id-darba l-ewwel ferħ tal-koppja orsijiet Yoggi u Paddy. Yoggi li hija l-ors femminili u Paddy li…

Knisja Maltija

L-Arċisqof Charles J Scicluna qal li Malta għandha bżonn is-solidarjetà ta’ kulħadd. L-isqfijiet Maltin qed jattendu konferenza f’Bari dwar l-immigrazzjoni u l-paċi fil-mediterran. F’intervista qabel il-konferenza, l-Arċisqof Scicluna qal li…

Unjoni Ewropea

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jfisser mas-sittin biljun ewro inqas fil-Budget li jmiss tal-Unjoni Ewropea li jkopri s-seba’ snin li ġejjin. Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel qed jipproponi li…

Politika

Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliem tiegħu Edwin Vassallo wera tħassib li fi kliemu għexieren ta’ bdiewa se jiġu żgumbrati mill-għelieqi tagħhom biex issir estensjoni tal-miżbla fil-Magħtab. Huwa qal dan wara l-avviż…

Aktar