Xjenza
Malta u l-Italja f’ħidma ta’ moniteraġġ għat-terremoti u tsunami fil-Mediterran

L-Etna, l-akbar u l-aktar vulkan attiv fl-Ewropa qed jiżżerżaq fil-Mediterran u xjenzati qed iwissu li jista’ joħloq tsunami katastrofiku.

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Ġeo Xjenza fl-Università ta’ Malta, Dr Pauline Galea qalet li r-riskju qiegħed hemm iżda diffiċli tbassar jekk u meta tista’ sseħħ. Spjegat li bħalissa Malta u l-Italja qed jaħdmu flimkien biex isaħħu l-moniteraġġ tat-terremoti fil-Mediterran li għandu jwassal għal ħolqien ta’ sistema ta’ allerta f’każ ta’ tsunami u x’effett jista’ jkollu fuq il-gżejjer Maltin.

Is-sismologu Dr Pauline Galea mill-Università ta’ Malta u xjentisti li josservaw l-Etna fi Sqallija ilhom is-snin jafu li l-parti li tinsab fil-Lvant tal-Etna qed tiċċaqlaq fid-direzzjoni tal-baħar b’medja ta’ tnejn jew tliet ċentimetri fis-sena.

Studju minn team ta’ xjenzati fosthom mill-Università ta’ Kiel fil-Ġermanja kkonkluda li r-riskji huma ftit akbar milli kien maħsub għaliex jekk din il-parti tal-vulkan tiżżerżaq fil-baħar f’daqqa, tista’ twassal għal tsunami li wissew li jaf ikollu effetti diżastrużi għar-reġjun kollu fil-parti ċentrali tal-Mediterran. Jingħad li parti oħra tal-Etna fuq l-istess naħa tal-lvant iġġarfet mas-sebat elef sena ilu u ħolqot tsunami kbir fil-Lvant u ċ-Ċentru tal-Mediterran.

Il-Kap tad-Dipartiment tal-ġeo-xjenza fl-Università, Dr Galea qalet lil TVM li l-Etna hu vulkan attiv ħafna li jqanqal bosta ċaqliq u xquq li jaf ikunu katastrofiċi.

Dr Pauline Galea qalet “ma jfissirx li se ssir għada din, ma nistgħux ngħidu b’ċertezza illi dan isir imma iva f’dawn l-istrutturi ġeoloġiċi dejjem hemm iċ-ċans ta’ event li jkun katastrofiku biex ngħid hekk.”

Dr Galea stqarret li n-natura tal-vulkan hija imprevedibbli u jista’ minkejja l-bizgħat ma jseħħx dal-gwaj. Hija qalet li bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea d-Dipartiment li tmexxi, dipartimenti simili fl-Universitajiet ta’ Katanja u Palermo kif ukoll il-Protezzjonijiet Ċivili ta’ Malta u l-Italja qed jaħdmu b’kollaborazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet oħrajn biex ikun hawn sistema adegwata ta’ moniteraġġ u allerta f’każ ta’ tsunami.

Dr Pauline Galea qalet “tissejjaħ tsunami warning system jiġifieri biex ikollna informazzjoni malajr kemm jista’ jkun dwar terremoti fil-Mediterran li jistgħu jikkawżaw tsunami u dak diġà qed nagħmluh qed insaħħu l-moniteraġġ fil-Mediterran kollu ”

Spjegat li għalkemm il-proġett għadu f’fażi bikrija qed tittama li jwassal għal riżultati xjentifiċi konkreti fosthom x’jistgħu jkunu l-effetti ta’ tsunami fil-gżejjer Maltin.

Ara wkoll:

L-Etna mistenni joħloq konsegwenzi kbar anke fuq Malta

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Fil-Qorti nstemgħet ix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud li qal li għall-ħabta tal-23:10 seħħet sparatura fi Triq tal-Ġebel li fiha kien hemm persuna maqtula u tnejn oħra midruba. L-Ispettur Arnaud qal li…

Qorti

Fil-Qorti, bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra ż-żewġ suldati akkużati bil-qtil fis-6 ta’ April li għadda ta’ Lassine Cisse Souleymane ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju. Lorin Scicluna ta’ 22 sena minn…

Elezzjoni

Il-Kummissjoni Elettorali fi stqarrija qalet li min se jsiefer fil-jum tal-votazzjoni, se jingħata l-faċilità li jaqbeż il-kju. Dawn il-persuni għandhom jieħdu magħhom prova dokumentata tas-safar u juruha lill-pulizija inkarigat fiċ-ċentru…

Elezzjoni

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali fakkret lill-pubbliku li l-użu ta’ mobile phones, cameras, jew apparat tal-fotografija u awdjo huwa projbit fil-postijiet tal-votazzjoni. Qalet ukoll li t-teħid ta’ ritratti jew filmati fil-postijiet tal-votazzjoni…

Aktar