Malta, wieħed mill-iktar pajjiżi fl-EU li għandu residenti li jgħixu f’istituzzjonijiet jew djar residenzjali

F’pajjiżna hawn diversi persuni li jgħixu f’dar residenzjali u istituzzjonijiet diversi. Fil-fatt Malta hija wieħed mill-iktar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li għandha persuni jgħixu f’dawn it-tip ta’ residenzi li huma mmexxija mill-Istat jew minn għaqdiet non-governattivi.

L-Istatistika turi li f’Malta hawn iktar minn 4,500 anzjan/a li jgħixu fi-djar tal-anzjani. Apparti din iċ-ċifra hemm ukoll iktar minn elfejn anzjan/a jistennew fil-lista ta’ stennija biex jidħlu f’waħda minn dawn ir-residenti. Tfal li jgħixu f’residenzi mmexxija mill-Istat hemm madwar 240. ‘Popolin’ stieden lil Andrew Azzopardi u lil Joe Gerada sabiex nifhmu aħjar ideat u opinjonijiet differenti rigward dan is-suġġett.

Andrew Azzopardi stqarr li ma’ dawn l-istituzzjonijiet irridu nsemmu wkoll il-ħabs li fih għandu mat-800 persuna. Huwa enfasizza l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn persuni li għandhom il-bżonn li jkunu ġo xi tip ta’ residenza u oħrajn li qegħdin f’residenza għaliex il-familjari jippreferu hekk, biex ħajjithom tkun iktar faċli.  Tenna li min għandu bżonn għandu jingħata l-għajnuna neċessarja, biss min b’xi mod jew ieħor, forsi permezz ta’ skemi, jista’ jibqa’ fir-residenza tiegħu għandu jingħata għajnuna speċjalizzata biex ikun jista’ jibqa’ jgħix b’mod indipendenti fl-ambjent u l-lokalità li mdorri fiha. B’dan il-mod il-persuna tkun tista’ tkompli bir-rutina tagħha, filwaqt li jiġi evitat ir-riskju li din il-persuna titkisser għaliex tittieħdilha d-dinjità u l-ambjent li tkun imdorrija fih. Żied jgħid li bla dubju l-intenzjonijiet ta’ ħafna minn dawn ir-residenzi huma intenzjonijiet tajba.

Minn naħa tiegħu Joe Gerada tenna li biex persuna jkollha saħħa fiżika u mentali trid tkun f’kuntatt ma’ persuni oħra. Dan japplika għal persuni ta’ kull età. Il-mument li persuna tittieħed mill-ambjent li tkun imdorrija fih, irrispettivament mir-raġuni xi tkun u jekk tkunx valida jew le, il-persuna kkonċernata tħoss id-differenza. Għal din ir-raġuni l-politika soċjali trid tinkludi miżuri u skemi li kemm jista’ jkun jippermettu li dawn il-persuni jibqgħu fl-ambjent li huma mdorrijin fih. Eżempju ta’ dan huma skemi biex l-anzjani jirċievu l-għajnuna f’darhom, tfal li għal xi raġuni ma jistgħux jibqgħu mal-familja tagħhom, jingħataw iċ-ċans li jkunu parti minn Foster-family; “li persuna tmur f’ambjent residenzjali għandha tkun l-aħħar għażla, u għandha ssir wara l-possibilitajiet l-oħra jkunu diġà saru”.

Ara l-programm kollu hawnhekk:-

Popolin