Barranin
Maltempata qawwija f’Texas taqta’ d-dawl fejn jiġi trattat l-ilma – residenti jintalbu jgħallu l-ilma tal-vit

Kważi seba’ miljun persuna li jgħixu f’Texas intalbu jgħallu l-ilma tal-vit qabel jikkunsmawh wara li maltempata qawwija qatgħet id-dawl fil-faċilitajiet fejn jiġi trattat l-ilma. Il-maltemp li ħakem in-nofsinhar tal-Istati Uniti ħalla 24 persuna mejta u miljuni mingħajr elettriku. Il-maltemp qawwi mhux jaħkem biss l-Istati Uniti.

Ġerusalemm sebħet f’dehra rari, bis-siti sagri miksija bis-silġ wara maltempata mal-lejl. Tfal bdew igaraw blalen tas-silġ lejn xulxin barra l-entratura għall-Belt Antika waqt li Lhud, Musulmani u Nsara rħewlha lejn is-sinagogi, moskej u knejjes, biex jipprattikaw il-fidi tagħhom.

Il-maltempati bdew l-Erbgħa filgħaxija u kawża tagħhom l-awtoritajiet issospendew is-servizzi ta’ trasport pubblku u għalqu t-triq ewlenija li tagħti għal Ġersualemm.

Anke x-Xatt tal-Punent tax-Xmara Ġordan kien miksi mis-silġ għall-ewwel darba fi snin wara maltempata qawwija. It-toroq traffikużi ta’ Hebron u Ramallah kienu battala għajr għal ftit karozzi li ppruvaw jivjaġġaw fiċ-ċpar u t-toroq miksija bis-silġ hekk kif it-tfal bdew jibnu figuri bis-silġ.

Borra qawwija ksiet il-belt ta’ Istanbul fit-Turkija, inkluż il-Hagia Sophia u l-Moskea l-Blu. Kien kien hemm reazzjonijiet mħallta għall-effetti tal-kundizzjonijiet tat-temp xitwi.

Is-silġ mistenni jkompli jiżdied, bit-temperaturi se jinżlu taħt it-tliet gradi celsius.

Xeni miċ- Ċina jħalluk mingħajr kliem. Waterfalls li jinsabu ‘l fuq mix-xmara Mudan fil-belt ta’ Mudanjiang iffriżaw. Eluf irħewlha lejn iż-żona biex jitpaxxew bix-xenarju tan-natura.

Fil-Greċja, Maltempata rari tas-silġ kkawżat kaos f’Ateni. Il-livelli tal-borra qabżu dawk fl-aħħar tnax-il sena hekk kif iżjed minn sebgħin elf residenza u intrapriżi spiċċaw mingħajr provista tal-elettriku.

Il-kundizzjonijiet tat-temp wasslu biex mijiet sejħu għall-għajnuna minħabba l-perikli fiżiċi li kienu kkawżati mill-maltemp.