Xjenza
Malti fost xjentisti li skoprew terapija ġdida kontra l-kanċer

Xjentist Malti qed jaħdem ma’ grupp ta’ riċerkaturi li sabu mod kif jerġgħu jattivaw is-sistema immunitarja tal-bniedem biex tikkumbatti ċelloli li jistgħu jiżviluppaw f’kanċer.

Dr David Saliba huwa ottimist li r-riċerka tagħhom se twitti t-triq biex jiġu żviluppati terapiji ġodda fil-ġlieda kontra l-kanċer.

Flimkien ma’ grupp ta’ riċerkaturi mill-Univeristà ta’ Malta u l-Università ta’ Oxford, Dr David Saliba ilu għal dawn l-aħħar erba’ snin jirriċerka dwar kif iċ-ċelloli tas-sistema immunitarja jikkomunikaw bejniethom, speċjalment meta jiġu biex jikkumbattu l-kanċer.

“Is-suldati tas-sistema immunitarja, li huma ċelloli bojod, iridu jikkomunikaw b’mod effettiv biex ikunu jagħrfu jeqirdu ċ-ċelloli tal-kankru. Dan jagħmluh kuljum, b’mod kostanti, iduru mal-ġisem, ifittxu u jeqirdu ċ-ċelloli tal-kanċer,” qal Dr Saliba.

Dr Saliba qal li l-problemi jibdew meta ċ-ċelloli l-bojod jieqfu jikkomunikaw bejniethom u ma jibqgħux jikkumbattu ċ-ċelloli tal-kanċer. Dr Saliba spjega li ġie analizzat il-mekkaniżmu taċ-ċelloli u reġgħu ġew attivati ċelloli li ma kinux attivi.

“Irnexxielna niġġeneraw bżieżaq u nimmanifatturaw bżieżaq żgħar ħafna b’mod sintetiku, u b’hekk fil-laboratorju stajna nerġgħu nqajmu ċelloli bojod u dawn eventwalment inkunu nistgħu nużawhom terapiji ġodda biex inkunu nistgħu nqajmu ċ-ċelloli bojod biex jerġgħu jagħrfu ċelloli tal-kanċer li kienu ħarbu mis-sistem immunitarja.”

Dr David Saliba spjega li dan l-iżvilupp seħħ fi stadju ta’ riċerka. Huwa qal li wara li tkun assigurata s-saħħa u s-sigurtà, ix-xjentisti jibdew il-provi fuq il-pazjenti tal-kanċer. Madanakollu, instema’ fiduċjuż li qed tiżdied il-kura kontra l-kanċer. Qal li jekk din ir-riċerka tkompli tagħti riżultati tajbin, Malta għandha l-potenzjal li tkun pijuniera fil-kura tal-kanċer.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Tim ta’ ħmistax-il professjonist Malti f’Londra jinsabu qrib li f’isem Puttinu Cares jixtru proprjetà fiċ-ċentru ta’ Londra b’għoxrin appartament għall-pazjenti Maltin li jitilgħu għall-kura fl-isptarijiet ta’ Londra. Il-Perit Mark Borg…

Lokali

Bis-sħana tkompli tikkarga u b’aktar nies ifittxu x-xtut u l-bajjiet, l-iskart f’dawn il-postijiet jiżdied ġmielu anke jekk l-uffiċjali mill-Ministeru għall-Ambjent qed jinnutaw titjib meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Minkejja li…

Lokali

Surġent u sitt kuntistabbli tal-pulizija li kienu jaħdmu fit-taqsima tat-traffiku tal-korp illum tressqu l-Qorti b’akkużi ta’ frodi u dikjarazzjonijiet foloz b’rabta mal-extra duties għall-kontroll tat-traffiku li kienu miftehma jagħmlu fuq…

Lokali

Il-binja l-ġdida fil-kumpless il-ġdid ta’ San Vinċenz De Paule, bdiet tilqa’ l-ewwel anzjani fis-swali ġodda fjamanati li huma mgħammra bħas-swali ta’ sptar. It-trasferiment tal-pazjenti qiegħed isir f’fażijiet, bil-biċċa l-kbira tal-anzjani…

Aktar