Lokali
Malti kellu joħroġ ma’ familtu mid-dar minħabba n-nirien fl-Awstralja

Tissokta t-theddida min-nar li qed jaħkem meded sħaħ ta’ art fl-istat ta’ New South Wales. Ir-residenti ħadu nifs wara li għaddiet il-ġurnata li kien imbassar se tkun l-agħar waħda mindu beda n-nar. Għalkemm il-kbir jista’ jkun li għadda, in-nar għadu jħeġġeġ f’mill-anqas 85 żona. S’issa tliet persuni mietu u aktar minn 150 dar inqerdu.

TVM jitkellem ma’ Malti li kellu joħroġ ma’ familtu minn dar ġdida li kien għadu kemm beda jgħix fiha/

James Vella Bardon jgħix ma’ martu u ż-żewġ uliedu f’Sydney, l-Awstralja. Kellu jitlaq mid-dar li għadu kif daħal fiha, lejlet il-ġurnata li kienet mbassra li se tkun katastrofika għall-istat ta’ New South Wales.

Intervistat minn Television Malta, James Vella Bardon, qal li l-familja kienet għadha kemm marret toqgħod f’dar ġdida fil-periferija tal-park nazzjonali Garigal.

Spjega li l-ġurnata tat-Tlieta kienet ta’ riskju għoli għalihom minħabba li t-temperatura laħqet kważi l-40 grad celcius u r-riħ kien qawwi ħafna. L-awtoritajiet ħeġġew lil min jgħix f’distanza sa 100 metru minn żona bis-siġar biex jitilqu minn darhom minnufih. Id-dar il-ġdida tal-familja ta’ James, tinsab biss 20 metru.

“Aħna għadna kif biegħna d-dar l-antika u xtrajna dar ġdida ħdejn ir-riserva nazzjonali. Kien għadna kif dħalna fiha u kellna noħorġu. Fortunatament, is-sid il-ġdid tad-dar li biegħna kien għadu ma daħalx fiha allura stajna nidħlu fiha u għaddejna l-lejl li għadda fiha”

Żied li l-akbar periklu għadda għalkemm se jibqgħu fuq allert sal-Ħamis. Huma rritornaw fid-dar il-ġdida għalkemm it-tfal ma marrux skola, għax l-iskejjel baqgħu magħluqa.

In-nar ħarbat il-ħajja ta’ mijiet ta’ familji ħabta u sabta.

“We didn’t have long, but we just took off and panicked and all these amazing fire people saved my house.”

Filwaqt li ammetta li nħakem minn ftit tal-biża’, James kkundanna l-aġir irrisponsabbli ta’ xi wħud.

“Il-problema li għandna hawnhekk hu li ssib lil xi ħadd baħnan li jiddeċiedi jikkważa ftit inkwiet u jqabbad xi nar. In-natura stess ma tibdnix nar waħedha.”

Sadattant, aktar minn 85 nar għadhom attivi f’żoni fil-kosta tal-Lvant tal-Awstralja u nofshom għadhom mhumiex ikkontrollati. Fl-istat ta’ New South Wales jgħixu mas-sitt miljun persuna.

Aħbarijiet Oħra
Agrikultura

Skola fiż-żona “Taż-Żokrija” fil-Mosta li tifforma parti mill-Kulleġġ Maria Reġina għandha ċentru mnejn toffri lill-istudenti fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja tagħlim fuq l-agrikoltura u t-trobbija tal-annimali. Mifrux fuq erbat elef u…

Knisja Maltija

Erbatax-il kwadru fil-Knisja tal-Mosta ġew restawrati b’investiment ta’ tmenin elf ewro. Erba’ kwadri huma tal-artista tas-seklu sbatax, Stefano Erardi u parti kbira mill-għaxra l-oħra huma ta’ Giuseppe Calì, meqjus bħala…

Aktar