Malti maħtuf minn militanti fil-Libja – M’hemmx garanzija li għadu ħaj

Ħaddiem Malti, Martin Galea, li jaħdem ma’ kumpanija taż-żejt fil-Libja jinsab maħtuf u qed jinżamm minn militanti Libjani. Il-Gvern Malti għaddej b’kuntatti għal ħelsien tiegħu iżda l-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament qal li din sitwazzjoni delikata u trid tkun trattata b’kawtela.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fi stqarrija fil-Parlament, qal li l-gvern Malti jista’ jikkonferma li l-ħaddiem, Martin Galea inħataf iżda ma setax jikkonferma li għadu ħaj għalkemm qal li l-aħħar li sar kuntatt miegħu ftit tal-ħin ilu kien għadu ħaj.

Il-Prim Ministru qal li b’ħidma tal-Gvern sar magħuf il-milizja li qed iżżomm lil Galea.

Indika wkoll li hemm persuna li qed topponi l-ħelsien tiegħu imma qal li jkun ħazin li jingħataw id-dettalji li jistgħu jipperikolaw il-ħajja ta’ Martin Galea.

Qal li l-gvern kien infurmat bil-każ nhar il-Ħadd.

Il-Prim Ministru qal li Galea nħataf waqt roundblock f’mument li sejjaħlu delikat.

Dr Muscat qal li f’dawn iċ-ċirkustanzi jkun aħjar li l-istorja ma tingħatax pubbliċità żejda li qal tista tgħarraq is-sitwazzjoni.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern lest li anke b’mod kunfidenzjali jżomm lill-Oppożizzjoni infurmata bit-tagħrif dwar il-każ.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil wera solidarjetà mal-ħaddiem u mal-familja tiegħu u qal li l-Oppożizzjoni lesta li tagħti kull appoġġ biex Galea jinħeles qawwi u sħiħ.

Waqt li staqsa diversi mistoqsijiet dwar il-każ, insista li l-Gvern għandu jkun trasparenti għax qal li s’issa l-Gvern ħeba dan il-każ.

Il-ħaddiem, Martin Galea ilu snin jaħdem il-Libja u kien anke ġie evakwat waqt ir-rivoluzzjoni Libjana.

Kelliema għal Ministeru tal-Affarijiet Barranin ikkonfermat l-aħbar tal-ħtif tal-ħaddiem Malti li għandu 42 sena.

Huwa mifhum li Galea nħataf fil-periferija ta’ Tripli ġimgħa ilu iżda l-aħbar dwaru saret magħrufa llum ftit sigħat biss qabel ma’ l-Parlament beda jiddiskuti mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u r-relazzjonijiet ta’ Malta mal-Libja.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-każ tal-ħtif ta’ ħaddiem Malti fil-Libja huwa żvilupp serju ħafna b’mod speċjali wara li l-Gvern Malti baqa’ jinsisti fl-aħħar jiem li s-sitwazzjoni fil-Libja mhix waħda gravi.

Fl-aħħar sigħat, il-qagħda fil-Libja tidher li kompliet sejra għall-agħar tant li diversi kumpaniji barranin qed ikomplu jevakwaw il-ħaddiema tagħhom mil-Libja.

tvm.com.mt huwa infurmat li l-Gvern Malti intalab biex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex jiġu evakwati lejn Malta ħaddiema ta’ kumpanija Ċiniża.

Minn Mitiga mistenni minn ħin għall-ieħor li jaslu Malta żewġ ajruplani u żewġ ħelkopters b’għadd ta’ ħaddiema Maltin u barranin li ddeċidew li jħallu l-Libja.

L-ewwel ajruplan li mistenni jasal Malta huwa dak tal-Medavia registrat 9H-AFI … ajruplan tat-tip Beech 1900D.

Aktar tard mistenni jasal wkoll Let 410 tal-linja tal-ajru Air Libya, liema ajruplan huwa reġistrat il-Kenya u mikri minghand il-kumpanija Air Tec. Dan l-ajruplan mistenni jagħmel tibdil ta’ ekwipaġġ f’Malta qabel jitlaq lura lejn l-Libja.

Fi żvilupp ieħor, tvm.com.mt huwa infurmat li f’dawn il-ħinijiet żewg ħelikopters PUMA, mistennija jinżlu Malta b’numru ta’ ħaddiema li ġabru minn fuq riggijiet taż-żejt mill-ibħra Libjani.

tvm.com.mt huwa infurmat madankollu li s’issa hemm diversi ħaddiema Maltin li ma jridux jitilqu mil-Libja minkejja s-sitwazzjoni li tidher li sejra għall-agħar.

L-ajruport ta’ Tripli għadu magħluq minħabba ħsarat li ġarrab u t-titjiriet charter tal-Medavia qed isiru mill-ajruport ta’ Mitiga.

Sadanittant f’Malta stess fl-inħawi ta’ Kandja u ħdejn il-kumpless tal-pulizija sar xogħol ta’ tindif f’każ li tiżviluppa l-ħtiega li jsiru tined fl-eventwalità li jkollhom jiġu evakwati numru kbir ta’ ħaddiema barranin jew f’każ ta’ wasliet ta’ kwantità kbira ta’ immigranti minħabba l-ġlied fil-Libja.

Dan il-pjan ta’ kontinġenza jidher li ġie deċiż miċ-ċentru ta’ kriżi li twaqqaf fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin biex isegwi mill-qrib l-iżviluppi fil-Libja.

Aktar qabel: Waqt li l-kriżi Libjana qed tkompli tiggrava, l-awtoritajiet Maltin, jidhru li qed iħejju għall-possibilità ta’ wasliet kbar ta’ immigranti li jistgħu jiġu Malta minħabba l-ġlied li għaddej fil-Libja.

tvm.com.mt segwa xogħlijiet ta’ tindif li saru fil u ħdejn il-kumpless tal-pulizija f’Ta’ Kandja.

Sorsi infurmati qalu li dan ix-xogħol sar biex hawnhekk ikunu jistgħu jintramaw kampijiet għall-immigranti f’każ ta’ ħtieġa.

Huwa mifhum li ċ-ċentru ta’ kriżi li twaqqaf fil-Minsiteru tal-Affarijiet Barranin, li fih hemm ukoll rapreżentanti tal-forzi tas-sigurtà, ħa din id-deċiżjoni bħala prekawzjoni.

Fl-aħħar sigħat, tvm.com.mt kien infurmat ukoll li l-Gvern Malti qed fil-proċess li jgħin biex jiġu evakwati mil-Libja, mal-40 ħaddiem ta’ kumpanija Ċiniża li ddeċidiet li tirtira mil-Libja minħabba s-sitwazzjoni ta’ sigurtà hemmhekk.

Illejla mistenni jasal ajrulan ieħor tal-Medavia mil-Libja, li fuqu ser ikun hemm ħaddiema Maltin u barranin.

Bħalissa l-ajruport ewlieni ta’ Tripli huwa magħluq wara l-ħsarat li saru fil-ġlied.

Minflok it-titjiriet qed jitilqu mill-ajruport ta’ Mitiga.

Il-Parlament Malti, fuq talba tal-Oppożizzjoni, llejla se jkun qed jiddiskuti s-sitwazzjoni fil-Libja u r-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ dan il-pajjiż fid-dawl tal-aħħar żviluppi.