Sport
Malti se jirrappreżenta lill-Ewropa fil-finali tal-esport Tekken 7

Kulma jmur l-esport f’Malta qiegħed jikber b’bosta huma dawk li jieħdu sehem u jagħmlu isem tajjeb lil pajjiżna f’kompetizzjonijiet varji. Id-dedikazzjoni u l-imħabba għal dan l-isport wasslet lil Lyon Buhagiar biex jimmarka ismu fil-finali li se ssir madwar id-dinja tal-esport tal-logħba Tekken 7.

Kif wasal għall-finali ta’ din il-logħba?

Ma’ tvm.com.mt Lyon spjega li s-sena l-oħra huwa rebaħ il-kompetizzjoni f’pajjiżna ta’ din il-logħba (Tekken 7). Madankollu, il-COVID-19 ħarbtet il-pjanijiet u l-kompetizzjoni lil hinn minn xtutna ma saritx. Dan ma qatax qalb Lyon, li din is-sena rrappreżenta lil Malta fil-kompetizzjoni fl-Ewropa. B’suċċess kbir huwa ghada mill-kompetizzjoni Ewropea u qata’ l-biljett tiegħu biex imur Iżrael u jipparteċipa fil-finali ta’ din il-logħba madwar id-dinja.

Kif spjega Lyon ma kinitx faċli l-kompetizzjoni Ewropea għax f’din il-kompetizzjoni jkun hemm l-aqwa plejers ta’ kull pajjiż. Lyon ġie l-ewwel fl-ewwel fażi tal-gruppi. Minn hemm għadda għall-fażi li jmiss li wkoll irnexxielu jgħaddi minnha u wasal għall-finali.

Kemm hu popolari dan l-isport f’pajjiżna?

Lyon spjega li hemm ħafna tipi ta Esports, fosthom Simulation games (bħal FIFA jew PES) u wkoll fighting games (bħal Tekken u Street Fighter).

F’Malta hawn diversi għaqdiet u gruppi li jgħinu l-atleti f’dan l-isport. Lyon spjega li qabel il-COVID-19 kien ikun hemm mat-30 Malti jipparteċipa u meta ġew il-barranin kien hemm mal-100 ruħ jieħdu sehem.

F’Malta, logħob bħal Fifa huma ħafna aktar popolari minn Tekken. Dan wassal biex minkejja li f’Malta hawn fejn titħarreġ l-esport mhux l-istess jista’ jingħad għal-logħba partikolari ta’ Tekken 7. Għaldaqstant, Lyon imur barra minn Malta biex jitħarreġ u jikkompetti. Lyon spjega li f’Settembru li għadda reħilha lejn Bolonja għall-kompetizzjoni u kklassifika fid-9 post minn 77 partiċipant.

X’tinvolvi l-logħba Tekken 7?

Bħal isport tradizzjonali, l-esport jeħtieġ taħriġ intenssiv u partikolari. Tekken 7 fiha mal-54 karattru differenti li kull wieħed minnhom iġib miegħu mossi u ħiliet differenti li plejer irid jistudja sew. Għaldaqstant logħba bħal Tekken 7 trid taħriġ mentali biex plejer ikun preparat sabiex jegħleb l-avversarju. Lyon spjega li din il-logħba fiha l-element tas-sorpriża u wieħed jeħtieġ li jkun attent il-ħin kollu.

X’ħajru jilgħab Tekken 7?

Lyon qal li kien jilgħab il-logħba għal gost minn meta kien żgħir. Qal li darba kkompetta f’din il-logħba u tilef, madankollu ma qatax qalbu u baqa’ jitħarreġ u jikkompeti. “Ridt nitjieb. Sakemm nibda nirbaħ mhux se noqgħod kwiet” qal Lyon.

Minħabba li din il-logħba mhix kbira bħal-logħob ieħor is-suq tagħha huwa limitat meta mqabbel ma’ logħob ieħor. Lyon spjega li ma jaqlax flus biżżejjed sabiex jiddependi minnha biss. Qal li l-flus li jaqla’ ġejjin minn kompettizzjonijiet u minn Twitch. Spjega li bħalissa qed jipprova jsib bilanċ bejn l-iskola u dan l-esport li jeħodlu ħin daqs impjieg fuq bażi ta’ part time.