Temp
Maltija fi Spanja tiddeskrivi kif qed jgħixu fil-maltempata Filomena

Maltija li tgħix Spanja tkellmet ma’ TVM fuq dak li għaddejjin minnu, partikolarment f’Madrid mindu nhar il-Ġimgħa bdiet il-maltempata bil-borra.

Sostniet li l-awtoritajiet Spanjoli qed isostnu li din l-ikbar maltempata li laqtithom, minħabba l-fatt li l-aħħar maltempata bil-borra seħħet fis-snin sebgħin iżda l-ammont ta’ borra kien nofs dik li nieżla f’dawn il-jiem.

Maria Delicata ilha tgħix Spanja għal dawn l-aħħar sittax-il sena iżda dak li ilha tesperjenza min-nhar il-Ġimgħa sallum qatt ma għaddiet minnu qabel. Il-maltempata Filomena li ksiet il-kapitali Madrid bil-borra, għadha żżomm lil kulħadd f’morsa, b’konsegwenza li l-iskejjel ma fetħux wara l-btajjel tal-Milied u ħafna nies ma jistgħux jaslu fuq il-postijiet tax-xogħol.

Maria Delicata qalet li l-awtoritajiet Spanjoli qed isostnu li din hija l-ikbar maltempata bil-borra li laqtet il-pajjiż.

“Għall-bidu qisu tibda tifraħ ħafna imma mbagħad daħal ħafna paniku għax in-nies veru m’aħniex imdorrijin għal dis-sitwazzjoni. It-tfal l-għaxqa tagħhom. It-tifla tiegħi qed noħorġu kuljum, sibna ġirien li għandhom l-isledges allura qed jieħdu gost bl-isledge telgħin u neżlin… hi esperjenza unika.”

Maria Delicata qaltilna li ‘l hinn mill-mumenti ta’ gost li ġġib magħha l-borra, din fiha wkoll l-inkonvenjent tagħha.

“L-ewwelnett għax m’aħniex preparati, jiġifieri forsi hawn nies li minħabba li jagħmlu l-isports ta’ skiing forsi għandhom il-boots, għandhom il-ħwejjeġ apposta. Imma nies bħalna li ma nagħmlux dan l-isport m’għandna xejn, jiġifieri meta noħorġu barra nissaportu forsi dik is-siegħa għax għandna ġakketta normali, żraben normali. U issa l-inkonvenjent li hawn hu li għandna temperaturi baxxi ħafna. Dalgħodu eżempju kienet minus 9, u l-borra issa qed issir silġ, qed jibbies kollox u perikoluż immens timxi fit-toroq. Ħafna siġar waqgħu. Ilbieraħ fuq l-aħbarijiet qalu kien hemm 1,600 siġra li waqgħet bil-piż tas-silġ.”

Minbarra l-maltempata, l-Ispanjoli qed jiffaċċjaw ukoll ir-realtà tal-każi dejjem jiżdiedu tal-coronavirus. “Dal-weekend irreġistraw iktar minn 61,000 każ tal-covid. Għad hawn ħafna biża’. Hawn ukoll sensazzjoni ta’ speranza ħabba l-injection, bdew jagħtu l-injections fir-residenzi tal-anzjani u t-tobba, imma għad hawn biża’ kbira hux, u n-nies xebgħu wkoll. Xebgħu li ma jistgħux joħorġu kif iridu, għandna ħafna restrizzjonijiet fuq ħruġ, fuq fejn tista’ tmur.”

Maria Delicata qalet li minħabba l-bard u l-borra l-iskejjel se jibqgħu magħluqin għall-bqija tal-ġimgħa, u sal-Ħamis hu mistenni li t-temperaturi jibqgħu taħt iż-żero.