Lokali
Maltija li tgħix Sqallija tgħid li qatt ma rat temp estrem bħal dan

Il-maltemp ħakem sew lil Sqallija wkoll. F’Agrigento karozzi spiċċaw tkaxkru bl-ilmijiet, nies ġew evakwati minn djarhom, u siġar tqaċċtu li mblukkat it-toroq. TVM tkellem ma’ Odette Cannataci li tgħix fi Sqallija u qalet li kemm ilha tgħix hemm qatt ma rat temp estrem bħal dan.

Mewġa ta’ maltemp li laqat lil Sqallija tant li kompla jikkawża għargħar, ħsarat u inkonvenjent speċjalment fil-provinċja ta’ Palermo. F’Lascari ħafna djar spiċċaw bit-tajn, li sforza lir-residenti jitilqu minħabba l-isfreġju li ħalla dan it-temp estrem. Xi familji ġew evikwati minn djarhom kawża tal-ilmijiet li għamlu,u qed jagħmel riħ qawwi.

Odette Cannataci hija Maltija li tgħix Sqallija li ġimagħtejn ilu tkellmet ma’ dan l-istazzjon dwar il-maltemp li laqatha direttament. Spjegat kif dak li ġara lilha ftit ilu qiegħed jolqot lill-hbieb tagħha f’Agrigento.

“Il-ħabiba tiegħi tgħix Agrigento u qed tgħidli li qed jinżel ħafna materjal mill-muntanji allura dak il-materjal, ġebel, qegħdin jinżlu fiċ-ċentri fit-towns allura qed jgħidulhom biex ma jiċċirkulawx barra daħħlilhom ħafna ilma bit-tajn fid-djar allura n-nies kellhom joħorġuhom bil-ħelikopters.

Agrigento sofra ħsarat kbar b’siġar f’nofs it-toroq u karozzi jinġarru u jaqgħu f’ħofor kbar. S’issa ħadd ma weġġa’ madankollu 700 residenza spiċċaw bla dawl u ilma kaġun ta’ ħsarat li kkawża l-maltemp. Filwaqt illi fid-distrett ta’ Grottarossa, f’żona fuq il-fruntiera bejn Agrigento u Caltanissetta seħħet ukoll tromba qawwija ħafna.

Odette qalet liċ-Ċentru tal-Aħbarijiet li għal darb’oħra l-awtoritajiet qed joħorġu bi twissijiet li jista’ jkun reġgħet ġejja maltempata b’riħ qawwi u reġgħet saħqet magħna li qatt ma rat xi ħaġa hekk kemm ilha tgħix Sqallija. Ħbieb ta’ Odette fi Sqallija qalulna illi dan it-temp impredevibbli qiegħed iħalli lil kulħadd anzjuż.