Budget2021
“Maltin b’Saħħitna ‘l Quddiem” – il-Gvern jippreżenta l-Budget 2021

Bit-tema, “Maltin b’Saħħitna ‘l Quddiem”, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta l-budget għas-sena d-dieħla b’nefqa totali ta’ aktar minn ħamest elef u seba’ mitt miljun ewro.

Il-budget ma fihx taxxi ġodda u jrid jittieħed fil-kuntest taż-żmien straordinarju li qegħdin ngħixu fih minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Il-Gvern se jintrabat li jibqa’ jagħti s-suppliment tal-pagi sa Marzu li ġej u fil-bidu tas-sena d-dieħla se jerġa’ jqassam b’€100 f’vawċers lil kull persuna minn sittax-il sena ‘l fuq.

Fost il-miżuri li tħabbru hemm żieda f’għadd ta’ benefiċċji soċjali bħac-children’s allowance, eluf ta’ familji ġodda se jibdew igawdu mill-in-work benefit, u tħabbret żieda fir-rifużjoni tat-taxxa lill-ħaddiema, flimkien mal-kumpens għall-għoli tal-ħajja li se jingħata sħiħ lill-pensjonanti li se jgawdu wkoll minn għotja oħra kull ġimgħa.

Fir-raba’ budget ta’ din l-leġiżlatura, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja se tkun ta’ €1. 75 fil-ġimgħa. Apparti l-kumpens għall-għoli tal-ħajja, il-pensjonanti se jingħataw €3.25 oħra biex b’hekk se jkunu ħadu żieda ta’ €5 fl-ġimgħa.

Għas-sena d-dieħla se jkun hemm aktar minn €100 miljun f’infiq dirett fl-ekonomija, li hu tliet darbiet aktar mis-soltu. Dan l-infiq se jmur għall-estensjoni ta’ bosta skemi u benefiċċji soċjali li minnhom ser igawdu aktar persuni: minn ħaddiema sa pensjonanti . . . u persuni b’diżabbiltà, li bħall-anzjani, se jsiru eliġibbli għall-iskema tal-ħlas ta’ parti mill-paga ta’ carer li jimpjegaw magħhom fid-dar. Żgħażagħ minn sittax-il sena ‘l fuq li se jkomplu jistudjaw se jingħataw sena internet b’xejn.

Is-suppliment tal-pagi se jibqa’ jingħata sa Marzu tas-sena d-dieħla. Il-gvern qed jintrabat li jżomm il-format kif inhu bħalissa u sal-aħħar tas-sena se jibqa’ joħroġ €30 miljun fix-xahar. Il-gvern qal li għall-ewwel kwart tas-sena d-dieħla se jżomm il-flessibbiltà li jara l-ħtiġjiet ta’ oqsma partikolari u jirrispondi skont kif ikunu nbidlu x-xejriet fis-suq tax-xogħol dak iż-żmien.

Fil-budget, il-gvern ivvota €50 miljun biex f’Jannar jerġa’ jagħti b’€100 vawċers lil dawk kollha minn sittax-il sena ‘l fuq. Din id-darba, €60 se jingħataw biex jintefqu f’akkomodazzjoni u ristoranti u l-€40 l-oħra jintefqu f’negozji u servizzi.

Fiċ-ċirkustanzi ta’ sfida, il-Ministru tal-Finanzi qal li l-Gvern qed ikompli jsostni l-impenn tiegħu lejn l-Air Malta u ħabbar li għadu kemm talab lill-Kummisjoni Ewropea tawtorizzah jagħti għajnuna finanzjarja lil-linja nazzjonali tal-ajru. F’ċirkustanzi normali dan mhux permess.

Il-budget qed jiġi ppreżentat f’kuntest straordinarju bl-ekonomiji madwar id-dinja ħadu daqqa ta’ ħarta minħabba l-pandemija. Il-gvern mistenni jagħlaq din is-sena b’defiċit ta’ 9.4% tal-Prodott Domestiku Gross, li jinżel għal 5.9% s-sena d-dieħla. Dan hu ftit anqas minn dak li qed ibassru pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. Il-Ministru tal-Finanzi qal li l-pożizzjoni ta’ Malta dwar id-dejn nazzjonali hi ferm aħjar minn ta’ pajjiżi kompetituri. Għas-sena d-dieħla, Malta qed tipproġetta li jkollha dejn fil-livell ta’ 59%, mentri l-Ġermanja qed tismta li d-dejn se jitla’ għal 70%, ir-Renju Unit jaqbeż il-100%, Spanja 120%, waqt li d-dejn tal-Italja mistenni jitla’ għal 160%.

Il-Ministru tal-Finanzi qal li s-surplus tal-aħħar snin għen biex il-gvern ma daħħalx piżijiet ġodda ta’ taxxi waqt li għandu spazju biżżejjed biex jinċentiva t-tkabbir ekonomiku u jattira investiment ġdid. Biex jintlaħaq dan l-għan, fil-budget il-gvern ħabbar sensiela ta’ inizjattivi li se tkun qed tieħu l-Malta Enterprise kemm tgħin lill-intrapriżi u n-negozji ġodda u oħrajn stabbiliti, waqt li se tniedi skemi vantaġġjużi biex jiġi attirat investiment barrani ġdid. Għal sena oħra l-gvern jistma li l-ekonomija Maltija se tikber b’5% termini reali.