Lokali
Maltin isellmu lill-Prinċep Philip

Il-mewt tal-Prinċep Philip ħasdet lil bosta Maltin. Il-familja Rjali għandha post speċjali f’qalb il-Maltin. Dan kien rifless f’ġest ta’ persuni li sellmu lill-Prinċep.

Fil-Blata l-Bajda, residenti dendlu inkwatru tal-Prinċep Philip mal-gallerija u tajru wkoll il-bandiera Brittanika mezz’asta.

Anke ma’ Villa Gwardamangia tpoġġa bukkett fjuri sabiex isellem lill-Prinċep Philip. Villa Gwardamangia kienet ir-residenza privata tar-Reġina Elizabbetta II tar-Renju Unit meta kienet għadha Prinċipessa u żżewġet lill-Prinċep Filippu li fl-aħħar snin erbgħin u l-bidu tas-snin ħamsin kien stazzjonat Malta mal-qawwa navali Ingliża.

Intant, illum fl-12pm, il-Prinċep Philip se jkun qiegħed jingħata salut sħiħ mill-Barakka ta’ Fuq. L-attività se ssir f’nofsinhar u se tittella’ mill-Fondazzjoni Wirt Artna u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Flimkien ma’ martu r-Reġina Eliżabetta II huwa kien żar ukoll il-Barrakka ta’ Fuq fl-2007 meta żar Malta fl-okkażjoni tas-60 anniversarju taż-żwieġ tagħhom. Huma żaru wkoll il-Port il-Kbir fl-2015 meta ttellgħet f’Malta l-laqgħa tal-Commonwealth. Ir-Reġina Eliżabetta II u l-Prinċep Philip għexu f’pajjiżna għal madwar sentejn fil-bidu taż-żwieġ tagħhom.

Illum, l-istazzjon nazzjonali se jippreżenta programmi b’tislima speċjali lill-Prinċep Philip li miet bħal lum ġimgħa. Radju Malta fl-10.00 jippreżenta programm b’intervisti u kollegamenti, filwaqt li fuq TVM2 mit-3.15 ta’ waranofsinhar ‘il quddiem, programm speċjali li fih jixxandar il-funeral ċerimonjali Rjali tal-Prinċep Philip.

Ara wkoll:

Tiftakar lid-Duka ta’ Edinburgh jaqla’ twiddiba għax dam barra mal-prinċipessa

Il-Prinċep Philip twieled f’palazz f’Korfu b’ġebla u skultura tal-Maltin