Lokali
Maltin jirrakkontaw x’għamlu biex segwew l-avveniment meta l-ewwel persuna niżlet fuq il-qamar

L-ewwel pass tal-astronawta Neil Armstrong fuq il-qamar se jibqa’ mmarkat għal ħafna snin. Id-dinja llum qed tfakkar il-ħamsin sena mindu għall-ewwel darba l-bniedem niżel fuq il-qamar. Din il-ġrajja tibqa’ mmarkata fil-memorja tal-bniedem.

Fl-20 ta’ Lulju 1969, mas-600 miljun persuna segwew b’entużjażmu u b’kurżità l-ewwel passi tal-bniedem fuq il-qamar.

L-astronawta Neil Armstrong naqqax dan l-avveniment bil-frażi storika “That’s one small step for man, one giant leap for mankind”. Dsatax-il minuta wara rifes fuq il-qamar it-tieni astronawta, Buzz Aldrin. Flimkien huma esploraw il-qamar u għamlu esperimenti li wħud minnhom baqgħu jintużaw sal-lum.

Il-ġrajja kienet tissombolizza era ta’ esplorazzjoni spazjali li wasslet għal avvanzi teknologiċi kbar, mit-tbassir tat-temp sat-teknoloġija tal-mobile.

Nofs seklu ilu, għadd kbir ta’ Maltin kienu segwew dan l-avveniment storiku . . . fosthom il-kirurgu Gordon Caruana Dingli li stqarr li l-interess tiegħu fix-xjenza nibet dakinhar u baqa’ jirriċerka dwar il-missjoni Apollo 11 u missjonijiet spazjali oħra li segwew warajha.

Dakinhar hu kellu tmien snin u jiftakar li kienu marru xi nies id-dar tal-familja tiegħu biex isegwu x-xandira diretta fuq l-istazzjon Taljan, RAI.

Gordon Caruana Dingli qal “jien li niftakar li meta niżlu missieri jgħidli ara niżlu niżlu u ma tantx kien ċar fuq it-television. Kien fuq ir-RAI, kien hemm preżentatur jismu Tito Stagno u fil-fatt meta niżlu kien qal ha toccatto ha toccatto ħaseb li niżlu imma fil-fatt kellu żball u ċemplulu min-Nasa qalulu li ma niżilx u qal li issa niżlu eżattament.”

Il-kirurgu Caruana Dingli qed jiġbor ir-rakkonti ta’ Maltin fi ktieb li qed jikteb dwar Apollo 11.

Gordon Caruana Dingli qal “tibda tisma’ ċertu stejjer interessanti pereżempju kien hemm familja li joqogħdu l-Mosta, imxew mill-Mosta għal San Pawl għax ma kellhomx karozza. In-nanna tagħhom kellha television San Pawl il-Baħar. Din xegħlitu wara nofsinhar għax il-vultaġġ tal-elettriku kien għadu tajjeb biex tkun titsa’ tixgħel it-television u baqgħu jaraw dan l-avveniment fuq it-television.”

Fil-missjoni spazjali Apollo 11 kien hemm tliet astronawti. Michael Collins kien baqa’ fil-vettura spazjali waqt li Armstrong u Aldin kienu qed jesploraw il-qamar. Jirrakkonaw li kienu konxji tal-piż li kellha din il-missjoni.

Michael Collins qal “we, we crew felt the weight of the world on our shoulders. We knew that everyone would be looking at us, friend or foe, and we wanted to do the best we possibly could.”

Neil Armstrong miet f’Awwissu tal-2012.

Malta għandha tifkira ta’ din il-missjoni. Fil-kollezzjoni ta’ Heritage Malta fil-Mużew tan-Natura f’Għawdex, hemm erba’ kampjuni żgħar ta’ ġebel minn fuq il-qamar li nġabru mill-astronawti Amerikani.

L-erba’ ġebliet jiżnu b’kollox 0.05 ta’ gramma u jinsabu f’kontenitur tal-plastik b’qies ta’ munita. Esebita wkoll il-bandiera Maltija li l-ekwipaġġ ta’ Apollo 11 kien tella’ miegħu.

Il-kampjuni tal-ġebel u l-bandiera Maltija kienu ngħataw rigal lill-poplu Malti mill-President tal-Istati Uniti, Richard Nixon. Bħalhom ingħataw lil 134 pajjiż ieħor madwar id-dinja.

Gordon Caruana Dingli qed jiġbor ir-rakkonti tal-Maltin dwar dan l-avveniment fuq [email protected]

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Waqt li hemm stennija għall-azzjonijiet li se jittieħdu mill-Gvern wara l-konsultazzjoni pubblika li saret fuq it-traffikar uman u l-prostituzzjoni, stħarriġ mill-programm INSIGHTS li jixxandar illejla fuq TVM, wera li l-prostituzzjoni…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li min qed jinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jkollu l-kuraġġ jasal sal-aħħar għax warajh se jsib l-appoġġ u d-difiża ta’…

Agrikultura

Skola fiż-żona “Taż-Żokrija” fil-Mosta li tifforma parti mill-Kulleġġ Maria Reġina għandha ċentru mnejn toffri lill-istudenti fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja tagħlim fuq l-agrikoltura u t-trobbija tal-annimali. Mifrux fuq erbat elef u…

Aktar