Saħħa
Maltin jiskopru metodi ġodda kif jaqbdu l-kanċer qabel

Xaqq ta’ dawl għall-pazjenti morda bil-kanċer tas-sider u l-musrana. Grupp ta’ riċerkaturi Maltin mill-Università ta’ Malta skoprew metodi ġodda u innovattivi, li fost oħrajn se jagħtu aktar informazzjoni lit-tobba u jgħinuhom biex jagħtu kura aktar effettiva lill-pazjenti tagħhom.

F’kummenti lil Television Malta, il-Professur Godfrey Grech qal li din ir-riċerka toffri tama ġdida lill-pazjenti bil-kanċer għax biha t-tobba ser jkollhom aktar informazzjoni speċifika fuq it-tumur tal-pazjenti. “Sibna l-karatteristiċi tat-tumuri li nistgħu naqraw. Nistgħu nagħmlu l-metodi ġo dawn il-partiċelli, jiġifieri nistgħu naqrawhom, u l-isfida tagħna hi li nimxu ‘l quddiem biex insibu t-tumuri iktar kmieni.”

Il-Professur Grech spjega li dawn il-metodi jgħinu biex il-kanċer jinqabad fi stadju bikri u b’hekk jikbru ċ-ċansijiet ta’ fejqan. “Ir-riċerka ma tiqafx hawn, ‘il quddiem l-isfida tagħna hi naqraw dawn il-partiċelli tat-tumur fid-demm u eventwalment għal proċessi ta’ screening biex inkunu nistgħu ngħinu u nissapportjaw is-sistema tal-iscreening.”

Waqt il-preżentazzjoni tar-riżultati, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, qal li din ir-riċerka se tgħin biex il-pazjenti tal-kanċer jingħataw kura aktar speċifika u b’hekk jiżdied iċ-ċans li jfiqu mill-kanċer.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Innovazzjoni, Silvio Schembri, qal li din ir-riċerka bbenefikat minn €190,000 f’fondi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Qal li l-pjan tal-Gvern hu li jkompli jalloka aktar fondi fil-programm nazzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni bl-isem ta’ FUSION.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill, Jeffrey Pullicino Orlando, qal li sal-lum l-MCST offra €8 miljun għar-riċerkaturi Maltin biex ikomplu jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies.