Ambjent
Maltin jistudjaw kif joħolqu ġebel għall-bini mir-radam

Minn skart tal-kostruzzjoni għal ġebel mill-ġdid. Dan huwa proċess li qed ikun studjat mill-Fakultà tal-Inġinerija tal-Università ta’ Malta. Ir-riċerka ser tkompli tingħata spinta, wara li l-Malta Industrial Parks iffirmat ftehim biex tgħin b’mod finanzjarju din ir-riċerka dwar ir-rikostruzzjoni tal-ġebla mill-iskart tal-kostruzzjoni.

L-iskart tal-kostruzzjoni sar sfida kbira għall-industrija tal-bini minħabba n-nuqqas ta’ spazju biex jintrema. L-Università ta’ Malta qed tgħin biex tinstab soluzzjoni, b’riċerka li għandha l-għan li dal-iskart nadif jinħadem f’ġebel li jerġa’ jintuża mill-industrija.

Ma’ Television Malta l-Professur Spiridione Buhagiar mill-fakultà tal-inġinerija spjega li l-proċess jibda billi l-iskart iġġenerat mill-industrija tal-bini jitfarrak fi trab fin. Imbagħad jitħallat ma’ numru ta’ kimiċi biex jerġa’ jgħaqad f’ġebla ġdida.

“Disa’ snin ilu ħsibna f’dan il-proġett, nista’ nagħmlu xi ħaġa minnu, bdejna nesperimentaw, nittrataw l-iskart, u minn hemm bdejna nagħmlu blokok li qiegħed tara hawnhekk,” qal Prof Buhagiar.

Il-Professur Buhagiar qal li hemm bżonn li tinbidel il-mentalità minn dik ta’ uża u armi għal waħda li terġa’ tuża l-materjal bħala parti mill-ekonomija ċirkulari.

Mistoqsi dwar il-kwalità tal-prodott finali, il-Professur Buhagiar qal li peress li dan jiġi trattat bil-laboratorju, il-ġebla tista’ tingħata karatteristiċi differenti.

“Fil-laboratorju aħna wasalna f’materjal li huwa tajjeb daqs il-franka, jekk mhux aħjar. Il-vantaġġ tal-laboratarju li nagħmlu taħlitiet differenti; nistgħu nagħmluh b’saħħtu, ma jixrobx ilma jew inkella artab,” qal il-Professur Buhagiar.

Din ir-riċerka issa sabet l-appoġġ finanzjarju tal-Malta Industrial Parks, bil-għan li l-proċess jiġi kummerċjalizzat fil-futur qrib.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks, Karl Azzopardi, qal li r-riċerka torbot mal-politika infrastrutturali b’kuxjenza ambjentali.

“Green infrastructure mhux biss ħdura, iżda qed naraw kif skart partikolari naraw biex jerġa’ joħroġ fi prodott differenti, għandna sit partikolari l-landfill ta’ Ħal Luqa, li jagħtina din il-pjattaforma biex nagħmlu din l-inizjattiva ta’ reconstructed stone.”

Qal li r-riċerka turi biċ-ċar li dak li jemmnu fih jista’ jseħħ. Mistoqsi jekk il-ġebla rikostitwita tistax tiġi kkumerċjalizzata, qal li l-prodott riċiklat huwa 20% ogħla mill-valur tal-ġebla naturali.

“Naħseb li b’naqa rieda politika u inċentivi li nibdew niġġeneraw dak li jiġi mill-ekonomija ċirkulari fi żvilupp li se jgħin jistabilixxi s-suq u flok jintrema’ nistgħu noħolqu opportunità,” qal Karl Azzopardi.

Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella, wera apprezzament għall-għajnuna tal-Malta Industrial Parks għal din ir-riċerka. Żied jgħid li wieħed mill-oġġettivi tal-Università huwa li tidħol fi proġetti simili mal-industrija għal proġetti bħal dawn li huma wkoll ta’ vantaġġ għall-pajjiż.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Inqas minn xahar bogħod mill-Karnival, karru satiriku qajjem kontroversja. L-awtoritajiet iridu li l-karristi jbiddluh biex ma jkunx offensiv waqt li l-karristi qed jiddefendu l-idea tal-karru u jgħidu li ma ġietx…

Trasport

Minn nhar is-Sibt it-traġitti bil-passiġġieri bejn Malta u Kemmuna ser jibdew isiru minn Kooperativa Comino Ferries li fiha seba’ operaturi. Il-koperattiva kienet l-uniku operatur li għamel l-offerta wara sejħa pubblika…

Lokali

Persuni b’mard kroniku jew diżabilità qed iħossuhom diskriminati li kumpaniji tal-assikurazzjoni mhux qed iħalluhom jixtru polza ta’ assikurazzjoni fuq ħajjithom li mingħajrha ma jistgħux jieħdu self mill-bank jew possibilment jibdew…

Lokali

Il-missjoni tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku, bħala organu mwaqqaf mill-Kostituzzjoni, hi li tassigura li l-ingaġġ ta’ ħaddiema maċ-ċivil ikun effiċjenti u bbażat fuq il-mertu. Il-Kummissjoni tieħu ħsieb ukoll il-proċeduri dixxiplinarji fil-konfront tal-ħaddiema…

Aktar