Lokali
Maltin jiżviluppaw software li jipproċessa t-taxxa tal-VAT fi ftit minuti flok sigħat

Prodott innovattiv żviluppat minn kumpanija Maltija qiegħed jintuża minn 10,000 klijent fi tletin pajjiżi differenti biex jipproċessaw it-taxxa tal-VAT fi ftit minuti fejn qabel dan il-proċess kien jieħu sigħat ta’ xogħol.

Dan il-prodott ġdid bl-isem ta’ DataDear ġie żviluppat mill-kumpanija Maltija Scope Solutions flimkien mal-Università ta’ Malta bis-saħħa ta’ għajnuna ta’ €161,000 mill-programm nazzjonali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza għax-Xjenza.

Riċerka li saret mill-kumpanija identifikat opportunità fil-qasam finanzjarju u kompliet billi investiet madwar miljun ewro f’riċerka biex tagħti l-possibbiltà lill-professjonisti mid-dinja finanzjarja u tan-negozju biex iħaddnu din it-teknoloġija u jsaħħu aktar l-intraġriżi tagħhom.

Din is-sistema tissinkronizza bejn data li tinsab fuq il-cloud u oħra li tintuża bil-mod tradizzjonali u b’hekk tiffaċilita trasferimenti ta’ data f’ambjent kontrollat.

Permezz ta’ dan is-software, accountants Maltin ikunu jistgħu jipproċessaw it-taxxa tal-VAT fi ftit minuti, fejn qabel dan il-proċess kien jieħu sigħat ta’ xogħol.

Brian Ferris, wieħed mill-imsieħba ta’ Scope, qal li permezz tal-ħidma ta’ Scope ma’ professjonisti, partikolarment fil-qasam tal-finanzi għal skopijiet cloud, inħolqot opportunità li mbagħad ingħatat il-ħajja permezz ta’ DataDear, f’forma ta’ prodott SaaS li hu sinerġetiku u integrat.

Fi żjara fl-uffiċini ta’ Scope Solutions, il-Ministru Owen Bonnici spjega li dan hu eżempju ieħor fejn finanzjament minn fondi għar-riċerka, flimkien ma’ sinerġija bejn kumpaniji lokali u l-Università ta’ Malta, wasslu għall-ħolqien ta’ prodotti jew ta’ servizzi ġodda li mbagħad jiġu kumerċjalizzati lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali.