Saħħa
Maltin joħolqu kalzetta li tgħin lid-dijabetiċi ma jitilfux saqajhom

Kalzetta b’għadd ta’ sensors li ġiet żviluppata minn riċerkaturi Maltin, tista tgħin persuni bid-dijabete milli jaslu fil-punt li jkollhom jitilfu xi parti minn saqajhom. Dan kien wieħed mill-proġetti li ġie identifikat mit-Takeoff Seed Fund tal-Università, fost seba’ proġetti li bejniethom ngħataw €100,000 talli żviluppaw ideat innovattivi fi proġetti li jagħmlu d-differenza fil-ħajja tal-bniedem.

Għaxra fil-mija tal-popolazzjoni Maltija tbati bid-dijabete, li tista’ twassal għal bosta kumplikazzjonijiet speċjalment fis-saqajn. Il-podjatra Stephen Mizzi qal li kawża tad-dijabete, mal-400 pazjent kull sena jitilfu parti minn subgħajhom jew saqajhom b’implikazzjonijiet serji fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Bil-għan li anqas nies ikollhom jgħaddu minn dan, Dr Stephen Mizzi u Dr Owen Falzon qed jaħdmu fuq kalzetta li tanalizza s-sieq waqt li persuna dijabetika tkun għaddejja bl-attivitajiet matul il-ġurnata.

“Għandha ammont ta’ sensors f’kalzetta li tinkorpora s-sieq kollha, li d-data, l-informazzjoni tittieħed minn dawn is-sensors jiġu analizzati in real time – dak il-ħin stess – biex dak il-ħin tallertja lill-individwu li liebes il-kalzetta, ikun imqabbad mal-mobile, pereżempju tibgħatlu messaġġ, u tinformah jekk hemmx possibilità li tinħoloq ferita jew problema f’saqajh qabel ma attwalment tinħoloq, u tagħtih anke rakkomandazzjonijiet x’għandu jagħmel,” qal Dr Mizzi.

Dan hu wieħed mis-seba’ timijiet ta’ imprendituri u riċerkaturi, li bejniethom rċevew total ta’ €100,000 fil-ħames edizzjoi tat-TAKEOFF Seed Fund Awards.

L-ideat ivarjaw minn ġugarell li jiffaċilità t-terapija tal-lingwa għat-tfal, metodu ġdid ta’ tqegħid ta’ turbini tar-riħ li jżommu f’wiċċ l-ilma ‘l barra mix-xtut bi strutturi f’forma ta’ pjattaforma, għal sit fuq l-internet li jlaqqa’ koppji li jridu jiżżewġu ma’ bejjiegħa ta’ prodotti tat-tiġijiet u birrerija għal klijenti li jixtieq li jkollhom il-birra unika għalihom.

Inizjattiva oħra hi ta’ tliet ta’ studenti universtitaji u lettur tagħhom, li qed jaħdmu fuq app li toffri forma differenti ta’ lezzjonijiet privati mill-istudenti għall-istudenti. Jake Xuereb qal li l-pjan hu li din l-app titnieda fil-bidu tas-sena akkademika li jmiss f’Ottubru li ġej.

“Immaġina li jiena student qiegħed fis-sixth form għandi test il-ġimgħa d-dieħla fil-Maths u qiegħed gravi x’ħa nagħmel? Niftaħ l-app ikolli search bar infittex sixth form Maths f’din is-search bar u jtellagħli n-numru ta’ profili ta’ studenti universitarji bil-kwalifiakzzjonijiet tagħhom reviews ta’ nies oħrajn,” qal Xuereb.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona qal li din is-sena kien hemm 39 sotomissjoni ta’ intraprendituri li esprimew interess f’dawn il-fondi.

Ir-rettur tal-Universita’, il-Professur Alfred Vella qal li TAKEOFF Seed Fund Award diġà għen numru ta’ intrapriżi ġodda u riċerkaturi jagħmlu dik il-qabża biex l-inizjattiva tagħhom tirnexxi.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Mandy Vella li għandha 24 sena biss qed tgħix bi tbatija kbira minħabba li tbati b’Cystic Fibrosis. Hija tgħid li din qed taffettwalha l-pulmun u l-firxa, tbati bil-qtugħ ta’ nifs…

Avjazzjoni

Fl-istorja Maltija tal-avvjazzjoni, l-1969 ma kinitx l-isbaħ paġna. F’temp ta’ tliet xhur, nofs seklu ilu, seħħew żewġ disgrazzji tal-ajru b’ajruplani militari. L-istorja tagħhom hija fost kważi elf inċident tal-ajruplan li…

Lokali

Il-Fondazzjoni Blue Light, imwaqqfa mis-Surġent Simon Schembri mistennija tiftaħ l-ewwel dar tagħha biex tilqa’ fiha uffiċjali tal-forzi dixxiplinati li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-Ħadd filgħodu f’Ħal Safi saret attività…

Għawdex

Dalgħodu f’Dar Arka, Għajnsielem, saret quddiesa mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech bħala talba ta’ radd il-ħajr lil Alla fi tmiem il-mandat tal-President Marie-Louise Coleiro Preca. Fi kliem il-President, l-Ewkaristija…

Aktar