Saħħa
Maltin qed jiżviluppaw teknoloġija biex persuni bid-dimensja jkunu iktar siguri

Il-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informatika fl-Università ta’ Malta qed tikkollabora ma’ istituzzjonijiet oħra fi proġetti maħsuba li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani u l-vulnerabbli.

Uffiċjal li jispeċjalizza f’din il-fergħa ta’ riċerka tal-intelliġenza artifiċjali, Matthew Sacco, qal li software sofistikat li nbena permezz tal-proġett NATIFlife mal-Università ta’ Katanja u entitajiet privati, jassigura monitoraġġ effettiv tal-anzjani b’ħarsien lejn id-dinjità u l-privatezza tagħhom. Spjega li t-teknoloġija li żviluppaw hi bbażata fuq riċerka estensiva li biha t-trasmissjoni ta’ immaġini ta’ filmati minn kameras jipproteġu l-identità tal-individwu b’mod li ma jingħarafx.

“Qed tgħinu jagħmel monitoraġġ tal-attivitajiet tiegħu biex jekk alla ħares qatt jaqa’, is-sistema tinduna u tibgħat notifika lill-membri tal-familja tiegħu jew forsi jekk hemm sitwazzjoni ta’ sptar l-infermiera jkunu infurmati mill-ewwel.”

Is-Sur Sacco qal li l-proġett li beda sentejn ilu jinsab fi stadju avvanzat u l-pass li jmiss hu li r-riċerka tiġi applikata u tibda tintuża f’ambjenti u residenzi fejn jgħixu anzjani u persuni vulnerabbli.

“Se jkollna pilot site ġo Sqallija li hija diġà installata u pilot site ġewwa Malta fejn se tkun possibbli li pazjent jesperimenta u juża din it-teknoloġija biex nibdew naddottawha ġo residenzi Maltin kif ukoll fis-suq domestiku fid-djar tagħna individwali.”

Tim ieħor ta’ riċerkaturi mill-Università ta’ Malta qed imexxu proġett dwar id-dimensja. Conrad Attard qal li l-għan tal-proġett hu li bl-informazzjoni li tinġabar tinħoloq stampa aktar ċara ta’ dak li jgħaddu minnu persuni b’din il-kundizzjoni. Dr Attard qal li dan il-proġett qed jiżviluppa tagħmir sofistikat li jintlibes mal-persuna biex il-movimenti tagħha jiġu segwiti b’mod elettroniku. Qal li dan għandu jwassal biex nifhmu aħjar lill-persuni bid-dimensja u jkunu mgħejjuna mingħajr il-ħtieġa li jkollhom lil xi ħadd preżenti magħhom il-ħin kollu.

“Ġa ħadu sehem iktar minn sebgħin volontiera li tawna iżjed minn ħames sigħat kull persuna biex nikkrejaw din id-dataset u iktar minn 47 professjonist li jgħinuna nfasslu u nifhmu aħjar minn xiex jgħaddi minnu persuna li ssofri bid-dimensja.”

Il-proġett hu iffinanzjat mill-fergħa tar-riċerka tal-Università, l-RIDT, mar-residenza San Vinċenz De Paul, l-ISL limited u l-MITA, flimkien ma’ kollaboraturi privati. Ir-riċerka għandha twassal biex ikunu mbassra bi preċiżjoni akbar il-movimenti ta’ dawk li għandhom il-kundizzjoni tad-dimensja.

Hu stmat li f’Malta hawn madwar sebat elef persuna li għandhom id-dimensja bi studji juru li l-għadd ta’ persuni bid-dimensja mistenni jirdoppja sal-2050 minħabba li aktar nies qed jgħixu fit-tul.