Lokali
Maltin suspettati b’kuntrabandu tal-fjuwil fil-Libja

Xi Maltin huma fost persuni suspettati b’involviment fin-negozju tal-fjuwil bil-kuntrabandu mil-Libja. Fil-jiem li għaddew, l-awtoritajiet Libjani taw bidu għal operazzjoni maħsuba biex teqred il-ħruġ b’kuntrabandu ta’ fjuwil mil-Libja li qed ikun telf finanzjarju kbir għall-pajjiż.

Sorsi qrib l-awtoritajiet Libjani qalu li dawn il-Maltin qed jaħdmu id f’id ma’ persuni minn pajjiżi oħra. L-istess sorsi qalu li huma konvinti li konsenji kbar ta’ dan il-fjuwil qed imorru f’pajjiżi oħra fil-Mediterran u mhux f’Malta.

Il-kumitat Libjan maħtur biex jindirizza l-kriżi tal-fjuwil fil-pajjiż nieda dik li qed tissejjaħ “Operation Mediterranean Storm” maħsuba biex teqred il-kuntrabandu ta’ fjuwil sussidjat li ħiereġ illegament mil-Libja. Din l-operazzjoni ħadet xejra militari billi qed tinħadem mill-qawwiet tal-ajru u tal-baħar tal-Libja. Fil-bidu tas-sena, il-kumitat li jaħdem id f’id mal-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt ħadem biex waqqaf il-kuntrabandu tal-fjuwil minn fuq l-art lejn it-Tuneżija.

L-Editur tal-gazzetta Libya Herald, Michel Cousins, qal lil Television Malta li l-ħruġ mil-Libja ta’ diesel bil-kuntrabandu hu enormi. “In the case of the land smuggling of fuel to Tunisia, and other things are smuggled in Tunisia, it is very much carrying on as before and if you go to the south east of Tunisia, a place called Ben Guerdane which is the border town after you cross the main crossing, I mean it is wild west really in the late 19th century, but Malta lesser.”

L-awtoritajiet Libjani issa dawru ħarsithom lejn il-baħar b’operazzjoni li bdiet dan ix-xahar b’ajruplani Libjani attakkaw tliet vapuri wara li daħlu fl-ibħra territorjali Libjani biex allegament jgħabbu id-diesel tal-kuntrabandu lil hinn mill-kosta f’Zuwara.

Michel Cousins qal li Malta kienet destinazzjoni ewlenija għal dan il-fjuwil iżda jidher li din ir-rotta kienet attakkata tajjeb mill-awtoritajiet. Sorsi qrib l-awtoritajiet Libjani li tkellmu maċ-ċentru tal-aħbarijiet qalu li huma ċerti li hemm Maltin involuti f’din l-attività illegali, iżda l-fjuwil li qed joħroġ fuq il-baħar bil-kuntrabandu mhux qed ikun destinat lejn Malta, b’dak li jidħol hawn huma kwantitajiet żgħar. Semmew attivitajiet li jsiru minn vapur għal ieħor ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin u konsenji sostanzjali li jitilgħu aktar ‘il fuq lejn l-Italja jew lejn il-Lvant tal-Mediterran.

Id-Dwana ta’ Malta qalet li m’hemm xejn x’jindika li s-suq lokali hu disturbat mill-importazzjoni ta’ diesel tal-kuntrabandu, għalkemm hi kontinwament issegwi u tinvestiga. Mill-2012 sal-2016, id-Dwana qabdet ‘il fuq minn 90,000 litru ta’ diesel li ddaħħal Malta illegalment. F’perjodu ta’ ħames snin, il-Pulizija ħadet passi fil-qorti kontra 12-il persuna; waqt li sitt każi ġew riżolti barra l-qorti. Id-Dwana spjegat lil Television Malta li l-liġi tippermetti arranġament barra l-qorti f’każi li fihom id-dazju u sisa ma jaqbżux €4,000. F’dawn il-każi, il-fjuwil maqbud jiġi kkonfiskat, irid jitħallas id-dazju fuqu u d-doppju tad-dazju bħala multa.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Għada jitfakkar il-jum iddedikat lill-persuni li għandhom il-problema tat-temtim. Statistika internazzjonali turi li persuna minn kull mija għandha din il-kundizzjoni, li ħafna drabi tikkawża imbarazzament għal min ibati biha u…

Lokali

Huma mijiet il-Maltin bejn saċerdoti, reliġjużi, żgħażagħ, adulti u anke anzjani li jgħixu u jaħdmu fl-artijiet tal-missjoni; min għal perjodu qasir ta’ żmien u oħrajn fit-tul tant li jiddedikaw ħajjithom…

Lokali

Sadanittant l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia issa jinsabu konċentrati kollha fil-kwartieri ġenerali tal-korp fil-Furjana. Television Malta jinsab infurmat li l-pulizija kompliet titkellem ma’ nies li jistgħu jagħtuha…

Lokali

Il-kumpanija Valletta Cruise Port qed tkompli tinvesti fil-faċilitajiet tagħha fil-Port il-Kbir. Bil-kumpaniji tal-cruise-liners qed ikomplu jordnaw vapuri kbar, il-Valletta Cruise Port qed tippjana t-twessigħ ta’ wieħed mill-mollijiet. Għandha wkoll applikazzjoni…

Aktar