Kronaka
Ara: Maltin u barranin jiġbdu ħabel wieħed biex isalvaw koppja anzjana fil-Qawra

Intervent f’waqtu minn għadd ta’ Maltin u barranin salva l-ħajja ta’ żewġ anzjani, raġel u mara li l-Ħadd waranofsinhar spiċċaw imdendla fl-arja bil-karozza f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Qawra.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.15pm fi Triq il-Qawra, meta għal xi raġuni s-sewwieq tilef il-kontroll, baqa’ dieħel f’ħajt tal-briks u flimkien mal-passiġġiera spiċċa mdendel bil-karozza.

F’post fuq Facebook, Matthew Mamo, tella’ ritratt li fih juri ġemgħa ta’ nies jagħtu l-għajnuna tagħhom qabel ma waslu l-ħaddiema tal-protezzjoni Ċivili. Ir-ritratt juri bosta rġiel u anki nisa b’ħabel f’idhom iżommu l-karozza milli tibqa’ nieżla għal isfel.

Mamo qal li dawn il-Maltin u l-barranin rriskjaw saħħithom billi żammew il-karozza u assiguraw li din ma tinqalibx. Fl-istess waqt grupp ieħor ta’ nies rriskjaw ħajjithom billi salvaw lill-koppja anzjana li kien fil-karozza.

Hu mifhum li bis-saħħa ta’ dan l-intervent ta’ dawn in-nies, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili għenu liż-żewġ anzjani biex joħorġu qawwijin u sħaħ mill-karozza.

Ara wkoll:

FILMAT: 2 persuni jinħarġu minn karozza li spiċċat imdendla f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Qawra