Qorti
Manager f”gentlemen’s club’ mhux ħati li ħebb għal barrani li lmenta fuq żifna ma’ ‘stripper’

Manager f”gentlemen’s club’ f’Paceville ma nstabx ħati li weġġa’ barrani li lmenta miegħu għax ma kienx ftiehem fuq il-prezz ta’ żifna ma’ waħda miż-żeffiena.

Il-Pulizija ressqet lil Moustafa Hassanein Ibrahim fil-Qorti fejn akkużatu li fit-3 ta’ Lulju 2017, f’Turġien Santa Rita, ikkaġuna ġrieħi gravi lil Magnus Asskildt, li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied u li ħadem bħala gwardjan bla liċenzja.

Fil-Qorti Asskildt sostna li huwa mar fil-‘gentlemen’s club’ fejn nefaq madwar €450 minħabba li ried żifna waħda minn żewġ tfajliet.

Madankollu spiċċa ma rranġax fuq il-prezz u ddeċieda li jitlaq u waqt li kien ħiereġ beda jargumenta fuq il-prezz mal-‘bouncer’.

Asskildt qal li huwa ħa ritratt tal-bouncer u kien hawn li dan tah daqqa f’wiċċu fejn waqa’ mal-art u kellu jittieħed l-isptar fejn sarulu tlett punti fuq għajnejh.

Huwa ammetta li qabel daħal fil-‘gentlemen’s club’ kien dar diversi stabbilimenti oħra u xorob l-alkoħol.

L-akkużat għażel li jixhed fejn sostna li Asskildt beda jallega li ppruvaw jisirquh u meta qallu biex jiftaħ il-karriera biex jara kienx hemm il-flus u l-‘card’ li allegatament insterqu nstabu hemm.

Huwa żied li r-raġel kien jidher xurban u beda jsir aggressiv u jimbuttah mbagħad ġie uffiċjal tas-sigurtà li tah daqqa u telaq jiġri.

Wara li semgħet iż-żewġ verżjonijiet il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit irrimarkat li waqt li l-verżjoni tal-akkużat kienet dejjem kostanti dik tal-allegat vittma kienet konfuża.

Kien għalhekk li waqt li emmnet lill-akkużat ikkonkludiet li l-akkużi li tressqu kontrih ma ġewx pruvati u għalhekk illiberatu.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.