Lokali
Manche jorbot il-Covid mal-marka tal-bestja – Dun Rene jwissi dwar teoriji perikolużi

F’Malta 92% huma mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19. Minkejja dawn il-figuri hawn moviment li jiddubita x-xjenza u rreżista l-miżuri kontra l-Covid f’Malta.

Fost l-argumenti tax-xettiċi jissemmew teoriji reliġjużi li għat-teologu Dun Renè Camilleri huma ideat fundamentalisti mentri għall-Professur Anthony Serracino Inglottt il-bażi tax-xjenza hija l-verità u saħaq li min ma jieħux tilqim ikun qed jagħmel ħsara lill-umanità.

Dun Rene Camilleri wissa dwar teoriji fundamentalisti li ddeskriva bħala perikolużi li qed jorbtu l-kapitli mill-Bibbja mat-tilqima għall-Covid, fosthom li Alla se jagħmel ħaqq mid-dinja u jsalva biss dawk li kienu ‘kuraġġużi’ u ma tlaqqmux kontra l-covid-19.

“Dawn huma perikolużi ħafna għax għaliha mhix kwisjtoni la tal-libertà tal-espressjoni u lanqas tal-libertà reliġjuża. Il-problema hi dawn huma ċar u tond fundamenalisti. Interpretazzjoni tal-Bibbja li hi abbużiva ħafna llum ma nistgħux nreġgħu l-arloġġ lura u nidħlu f’dibattiti bejn dak li qed tipprovdilna għall-grazzja t’Alla x-xjenza u l-fidi. Għaliex ix-xjenzi u l-fidi kull meta ġġieldu ħsara saret. Dan hu r-riżultat tal-fundamentaliżmu li jien nimrad nitla’ fuq il-bejt u nippretendi li taqa’ l-bajtra f’ħalqi”, qal Dun Rene.

Tul ix-xhur li għaddew l-għaqda Evanġelika River of Love, sabet ruħa bħala parti mill-moviment li jiddibuta x-xjenza, l-effettivita tat-tilqima u r-restrizzjonijiet tal-pandemija. Fuq pjattaformi bħal TIKTOK membri ewlenin tal-għaqda qed ixerrdu teoriji li jżewġu t-tilqima ma’ kapitli mill-Bibbja li jitkellmu dwar l-aħħar tad-dinja.

Intervistat fil-programm, Carter Jirrapporta li xxandar ilbieraħ, Pastor Gordon John Manche rabat ir-rilaxx tal-miżuri għal dawk imlaqqma biss għal dak li miktub fl-Apokalissi, il-marka tal-bhima, jiġifieri il-marka tax-xitan li se tiddistingwi min isalva u minn jintrema’ fl-abissi tal-infern.

Iżda għall-dawk li jiftakru epidemiji passati fosthom il-Polio, fosthom il-Professur Anthony Serracino Inglott, l-argumenti li qed jsiru llum inkluż dawk li jżeffnu r-reliġjon mhumiex ġodda.

“Jien niftakar xettiċiżmu fuq il-vaccine tal-polio, meta ġew biex jagħtuna l-vaccine tal-polio lilna kien hawn ħafna li ma ridux jeħduha minkejja li Malta kellna nies li rajnihom bir-riżultati tal-polio. Kien hawn reżistenza naħseb aktar milli hawn illum fuq il-vaċċin tal-covid”, qal il-Prof. Serracino Inglott.

Fil-fatt proprju mill-mument li Edward Jenner ħareġ bil-bażi tal-ewwel tilqima fl-istorja fl-1796 dak iż-żmien għall-ġidri beda l-moviment kontra t-tilqim.

Mill-pulptu membri tal-kleru bdew jargumentaw li t-tilqima tmur kontra l-kelma t’Alla għaliex ġejja minn annimal. Oħrajn ukoll rabtu t-tilqima ta’ Jenner mal-marka tal-bestja li tissemma’ fl-iskrittura.

L-oppożizzjoni ma kinetx biss reliġjuża kien hemm dawk li oġġezzjonaw għat-tilqima għaliex qalu li tistrinġi l-liberta personali tagħhom u saħansitra ffurmaw għaqdiet biex jopponu meta l-Gvern għamel it-tilqima tal-ġidri mandatorja.