Barranin
Mandat ta’ arrest għas-sieħeb tat-tfajla li nqatlet fl-Amerka

L-FBI ħarġet mandat ta’ arrest federal għas-sieħeb ta’ Gabby Petito għax uża karta ta’ kreditu u l-pin number fuq kontijiet bankarji li ma kinux tiegħu bejn it-30 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Settembru.

Bħalissa Brian Laundrie huwa nieqes. Il-familja tiegħu qalet li l-aħħar li ratu kien fl-14 ta’ Settembru.

Uffiċjali qed ifittxuh fir-riserva naturali fi Florida. Il-koppja kienet qed tivvjaġġa flimkien għal diversi ġimgħat qabel ma fl-1 ta’ Settembru, Laundrie ta’ 23 sena rritorna d-dar waħdu bil-vann abjad li l-koppja kienet qed tuża għall-vjaġġi tagħha. Huwa ma għamilx kuntatt mal-Pulizija jew mal-familja ta’ Petito.

Il-familja ta’ Petito rrapportawha nieqsa għaxart ijiem wara. Il-Ħadd instab il-katavru ta’ Petito ta’ 22 sena f’park nazzjonali f’Wyoming. Uffiċjali qalu li Petito nqatlet, iżda ma tawx aktar dettalji.