Qorti
Manfred Galdes jgħid li n-nuqqas ta’ riżorsi kien qed jagħmel ix-xogħol tal-FIAU inutli

Dr Manfred Galdes li kien Kap Eżekuttiv tal-FIAU, qal li n-nuqqas ta’ riżorsi fit-taqsima tal-Pulizija dwar ir-reati ekonomiċi kienet qed tagħmel ix-xogħol tal-FIAU inutli.

Spjega li r-rapporti li l-FIAU kienet tgħaddi lill-Pulizija kienu jiġu investigati minn unit li kellu biss tliet Spetturi u li dawn kienu jagħmlu xogħol ieħor il-qorti u barra l-pajjiż.

Fix-xhieda tiegħu quddiem il-bord tal-inkjesta, Dr Galdes qal li kien informa lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna li l-FIAU ma setgħetx twettaq l-obbligi tagħha skont il-liġi. Xehed li l-aġenzija ma setgħetx toffri salarji kompetittivi u ma kienux isibu nies. Qal li għalkemm sab appoġġ mill-Ministeru biex is-sitwazzjoni tinbidel, l-MPO fl-uffiċċju tal-Prim Ministru kien waqqaf il-proċess għaż-żidiet fis-salarji. Qal li dan seħħ fl-istess żmien li kienu qegħdin jinvestigaw każijiet relatati ma’ persuni esposti politikament.

Żied jgħid li r-rapporti tal-FIAU li weħlu għand il-Pulizija ma kienux jinvolvu biss persuni esposti politikament iżda wkoll trasazzjonijiet suspettużi li fuqhom setgħet inħarġet ordni biex jiġu ffriżati l-assi, iżda sa sentejn wara ma ġara xejn.

Mistoqsi dwar x’informazzjoni kienu jingħataw il-membri tal-bord tal-FIAU, is-Sur Galfes qal li l-membri tal-bord ma kienux jingħataw informazzjoni speċifika dwar l-investigazzjonijiet li kienu għaddejin. Dwar ir-rapport tal-FIAU li ġew leaked fil-media dwar allegat tixħim mill-iskema tal-passaporti lil Keith Schembri, is-Sur Galdes wara li ra dokument stqarr li dan ma kienx rapport finali, iżda l-kitba tar-rapport hija simili ħafna għal rapport li għadda lil Pulizija iktar tard.

Is-Sur Galdes qal li f’April tal-2016 huwa għadda dokumenti lill-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar li kienu juru t-transazzjonijiet bankarji ta’ persuni esposti politikament. Huwa spjega li bagħat ukoll ittra lill-Kummissarju Cassar li fiha spjega l-kuntest tad-dokumenti biex il-Pulzija setgħet tibda’ l-investigazzjonijiet.

Dwar l-investigazzjonijiet tal-Bank Pilatus, is-Sur Galdes qal li l-uffiċjali tal-FIAU għamlu għaxar t’ijiem fl-uffiċini tal-bank. Spjega kif kellu laqgħat maċ-Chairman tal-Bank Ali Sadr li fihom ġie diskuss in-nuqqas ta’ informazzjoni minn naħa tal-bank dwar is-sors ta’ fondi tal-klijenti tiegħu. Żied jgħid li s-Sur Sadr qallu li ma jaqbilx mar-rapport tal-FIAU fuq il-bank Pilatus u waħħal fl-impjegati tal-bank li qal ma kienux jafu fejn tinżamm dik l-informazzjoni.

Mistoqsi dwar jekk qattx kellu indħil politiku, s-Sur Galdes qal li l-uniku darba kien meta Segretarju Parlamentari bagħtlu messaġġ dwar persuna li applikat biex tidħol mal-FIAU. Żied jgħid li din il-persuna ma ġietx impjegata. Dwar indħil dirett, is-Sur Galdes qal li ma kienx hemm, iżda qal li sa ftit qabel irriżenja kien hemm żewġ inċidenti li darsuh.

Ix-xhieda tiegħu kompliet fil-magħluq.

Aħbarijiet Oħra
Temp

L-uffiċċju meterjoloġiku qed iwissi li r-riħ mill-Majjistral ser ikun qawwi f’xi waqtiet fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Ir-riħ mistenni jilħaq qawwa ta’ forza 6.

Kronaka

Dalgħodu, għall-ħabta tas-6:30, raġel Malti ta’ 72 sena nstab mejjet fiċ-ċella tiegħu. B’dan il-każ ġew infurmati minnufih il-pulizija tad-distrett biex jinvestigaw, u nħatret inkjesta bil-Maġistrat tal-Għassa, kif ukoll inkjesta interna.

Lokali

Tħabbret il-mewt taċ-Chairman tal-Bord tal-Housing Affordabbli,  Joseph Bartolo. Magħruf ukoll bħala l-Isloopy, Bartolo kien ukoll consulent fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Bosta qalu li se jibqgħu jiftakruh bħala riformatur soċjali u bejjiegħ…

Aktar