Maniġer għall-Kostruzzjoni, soluzzjoni għal-isfidi ta’ din l-industrija?

L-industrija tal-kostruzzjoni hija fost waħda mill-iktar industriji kritikati f’pajjiżna, biss ir-realtà hi li tikkontribwixxi l-miljuni fl-ekonomija. Fil-fatt hija parti essenzjali mill-prodott gross domestiku ta’ pajjiżna għaliex tlaħħaq aktar minn 8%. Biss il-flus mhux kollox u għalhekk waqt il-programm Popolin ġew diskussi n-numru kbir ta’ sfidi li jeżistu f’din l-industrija u l-ħarsien tas-saħħa f’dan ir-rigward.

Tkellimna ma’ Jesmond Chetcuti, President tal-Malta Chamber of Construction. Mistoqsi mill-preżentatur x’inhi l-ikbar problema tal-industrija tal-kostruzzjoni f’pajjiżna, Chetcuti saħaq li l-koordinament tax-xogħol fuq siti ta’ kostruzzjoni mhuwiex jittieħed bis-serjetà. Huwa tenna li l-persuna li tgħaqqad il-koordinament għad m’għandiex rikonoxximent legali għalhekk ċertu kuntratturi qed jagħżlu li ma jagħtux l-importanza mistħoqqa lill-maniġers tal-proġetti. Huwa jemmen li s-servizz ta’ dawn il-maniġers f’ċertu fażijiet ta’ proġetti għandu jkun mandatorju biex ix-xogħol isir pjanat u bl-aħjar mod possibbli. Ġie spjegat li għandu dejjem jittieħed in konsiderazzjoni l-kobor tal-proġett biex b’hekk jiġi evalwat jekk hemmx bżonn ta’ maniġer full time.

Chetcuti żied jgħid li bl-introduzzjoni ta’ sistema iktar regolarizzata kuntratturi, arkitetti, inġiniera u fornituri ta’ ċertu servizzi jiġu rreġistrati. Awtomatikament dan iwassal biex il-maniġers tal-proġetti jkun jaf min hu l-iktar kuntrattur jew fornitur adegwat skond il-proġett in kwistjoni. B’dan il-mod ir-riskju li l-klijent jingidem jonqos drastikament.

Mistoqsi mill-preżentatur x’għandu jkun l-livell ta’ edukazzjoni ta’ maniġers għall-proġetti, Chetcuti tenna li flimkien mal-għaqda li jirrappreżenta jemmnu li minn ta’ lanqas irrid ikollu baċellerat fl-Immaniġjar tal-Kostruzzjoni. Fil-mument għaddejjin diskussjonijiet mal-Gvern biex tidħol fis-seħħ din il-liġi.