Qasam soċjali
Manutenzjoni fil-komun ta’ 77 blokka ta’ appartamenti t’akkomodazzjoni soċjali f’16-il lokalità

L-Awtorità tad-Djar se toħroġ €430,000 għal xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-komun ta’ 77 blokka ta’ akkomodazzjoni soċjali f’16-il lokalità.

Bl-iskema, li se titħaddem mal-Kunsilli Lokali, se jinħatar amministratur tal-blokka filwaqt li r-residenti jidentifikaw ix-xogħlijiet meħtieġa fil-komun.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li l-Gvern investa iktar minn miljun ewro u nofs f’sitt snin biex b’din l-iskema jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, qal li l-iskema hi ħolqa minn kullana ta’ inizjattivi biex il-blokok ta’ appartamenti f’akkomodazzjoni tal-Gvern ikunu mmodernizzati fosthom bl-istallazzjoni ta’ liftijiet.

L-iskema tnediet fil-Birgu, bis-Sindku John Boxall, wera apprezzament għax qal li ħafna familji tal-lokal li jgħixu fl-oqsma tad-djar se jibbenefikaw minnha.