Lokali
Manutenzjoni minn ħaddiema tal-gvern fil-qasam tad-djar ta’ Ħal Mula f’Ħaż-Żebbuġ

Ħaddiema tal-gvern mid-Diviżjoni għall-Manutenzjoni u t-Tindif, minbarra l-ħafna impenji biex iżommu żoni pubbliċi u bajjiet nodfa u diżinfettati minħabba l-pandemija, qed jidħlu għal xogħol ta’ manutenzjoni bażika f’diversi postijiet. Bħalissa qed jagħmlu manutenzjoni f’wieħed mill-oqsma tad-djar f’Ħaż-Żebbuġ.

Fil-qasam tad-Djar ta’ Ħal Mula, f’Ħaż-Żebbuġ, għaddejjin ħafna interventi ta’ manutenzjoni fosthom l-irranġar ta’ passaġġi u tikħil, tibjid ta’ ħitan, l-irranġar tal-kurduni tal-bankini u tindif tal-partijiet pubbliċi. Ix-xogħol qed isir minn ħaddiema tad-Diviżjoni tal-Manutenzjoni u Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.

F’laqgħa mal-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-impjegati ta’ din id-diviżjoni baqgħu qrib il-komunitajiet b’xogħol li għadhom qed iwettqu minħabba l-Covid, permezz ta’ diżinfettar tat-toroq fl-irħula u l-bliet. Qalet iżda li d-diviżjoni ma waqfitx biss ma’ dan ix-xogħol.

“Il-komunità rat dan id-dipartiment il-ħidma tiegħu mill-qrib tal-familji permezz tat-tindif li kien għaddej u għadu għaddej matul il-pandemija u dan il-unit u parti mill-ħidma tiegħu tiffoka fuq manutenzjoni, dan il-proġett huwa wieħed mill-kullana tal-ħidmiet li jkunu għaddejjin fil-qalba tal-komunitajiet tagħna,” qalet il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li apparti mix-xogħol ta’ rutina li jsir kuljum b’tindif ta’ toroq, bajjiet u t-tneħħija ta’ skart mormi illegalment, il-ħaddiema tad-diviżjoni qed iwettqu xogħlijiet f’binjiet governattivi u lil għaqdiet sportivi.

“Il-cleansing u l-maintenance division qed iddur diversi inħawi lil hinn mir-remit biex inkomplu ngħinu lill-komunitajiet u l-kunsilli biex l-ispazji li għandhom bżonn daqxejn ta’ maintenance intuhulhom,” qal is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Deo Debattista.

Semma li għall-manutenzjoni f’dan il-qasam tad-djar il-gvern alloka €35,000 u fakkar li f’Ħaż-Żebbuġ ħaddiema tad-diviżjoni għamlu xogħol ta’ manutenzjoni fin-nursery tal-futbol tal-lokalità.

Id-Direttur Generali tad-Diviżjoni għall-Manutenzjoni u Tindif, Ramon Deguara, qal li l-ħaddiema qed iwettqu xogħolijiet fil-qalba tal-komunitajiet, għaqdiet sportivi u mhux governattiv biex kulħadd jgħix f’ambjent xieraq.