Manwel Delia jgħid li ma kienx jaf min hu Ġorġ Farrugia qabel faqqa’ l-każ

Il-persuna li serva bħala Kap tas-Segretarjat tal-Ministru Austin Gatt għal ħames snin u li ħadem mal-Ministru Gatt għal 13-il sena  fosthom  bħala uffiċjal tal-istampa tal-istess Ministeru, Manwel Delia, iddikjara li huwa ma kienx jaf min hu Gorg Farrugia qabel faqqa’ l-iskandlu tax-xiri taż-żejt u li huwa qatt ma kien involut fil-proċess ta’ xiri taż-żejt mill-Enemalta.

Is-Sur Delia iddikjara dan quddiem il-Kumitat parlamentari għall-kontijiet pubbliċi li kompla jisma’ aktar evidenza fil-każ tal-mod kif l-Enemalta kienet tixtri iż-żejt.

Huwa iddikjara ukoll li kien sorpriż b’dak li beda jiġi ppublikat dwar ix-xiri taż-żejt mill-Enemalta. Qal li meta ġara l-każ, huwa kien uffiċjal tal-istampa u ma kienx imdaħħal fit-tfassil tal-politika tal-Minsiteru.  Qal iżda li l-Minsitru Gatt kien jinsisti li l-uffiċjali jevitaw li jieħdu sehem fi proċess ta’ xiri pubbliku.

Huwa żied jgħid li meta faqqa’ l-iskandlu taż-żejt il-Minsitru Gatt kien bagħat għalih fejn kien iddikjara li ma kellu l-ebda involvement.

Is-Sur Delia qal ukoll illi ma kien jaf bl-ebda laqgħa bejn Claudio Grech u Bernard Pace ma’ membru tal-familja Farrugia biex jingħad li l-Ministru Gatt ma kellux x’jaqsam mal-każ. Dak iż-żmien Pace kien Segretarju ta’ Manwel Delia.