Lokali
Mar iħallas ċitazzjoni b’muniti tal-1ċ fil-kunsill u spiċċa l-Għassa tan-Naxxar

Raġel li dalgħodu mar iħallas ċitazzjoni li qala’ bil-muniti tal-1ċ spiċċa l-Għassa tal-pulizija tan-Naxxar wara li xerred il-flus fil-Kunsill Lokali tan-Naxxar.

Is-sewwieq dabbar multa ta’ €23.29ċ minn gwardjan lokali wara li ħalla l-karozza pparkjata b’mod ħażin fi Vjal il-Wieħed u Għoxrin ta’ Settembru, fin-Naxxar.

F’post fuq Facebook, il-Kunsill Lokali tan-Naxxar kiteb li dalgħodu r-raġel mar il-kunsill b’borża mimlija muniti taċ-ċenteżmu biex iħallas il-multa.

“Illum xi ħadd għoġbu jipprova jagħmel ċajta fil-Kunsill Lokali billi ġie jħallas ċitazzjoni b’muniti tal-1c! Però miskin għarralu bl-ikrah għax spiċċa l-għassa u kellu jiġbor sal-inqas ċenteżmu li xerred u jħallas iċ-ċitazzjoni kif isir ħlas normali”, qal il-Kunsill Lokali tan-Naxxar fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook f’dik li fisser bħala “ċajta li marret ħażin”.

Il-Kunsill ħa l-opportunità biex jappella għar-rispett lejn l-impjegati tal-Kunsill u “nippruvawx indaħħqu u naħlulhom ħinhom fil-vojt għaliex ħinhom huwa mħallas mit-taxxa tal-poplu”, temm jgħid il-Kunsill Lokali tan-Naxxar.