Lokali
Mara li sieqha weħlet f’ħadida fit-triq tirringrazzja lill-uffiċjali tal-komunità li għenuha

Mara li weġġgħet wara li sieqha weħlet f’ħadida hija u miexja Tas-Sliema rringrazzjat pubblikament fuq il-mezzi tax-xandir liż-żewġ uffiċjali tal-komunità (LESA) li għenuha.

L-inċident seħħ fil-bidu ta’ dan ix-xahar bil-mara tgħid li l-uffiċjali li għenuha kien qegħdin fuq ronda.

“Meta raw li setgħu jċaqalquni poġġewni fuq siġġu u l-uffiċjal raġel ċempel għall-ambulanza waqt li dik mara qagħdet tkellimni biex iżżommni milli naħseb fuq l-uġigħ”.

Il-mara sostniet li għalkemm qaltilhom li setgħu jmorru ż-żewġ uffiċjali baqgħu magħha sakemm ġiet l-ambulanza.

L-uffiċjal mara anke bagħtitilha messaġġ fuq il-‘mobile phone’ biex tara kif inhi u anke talbitha żżommha aġġornata dwar il-kundizzjoni tagħha.

Il-mara li weġġgħet staqsiet  x’għamlet biex dawn iż-żewġ uffiċjali tawha daqshekk attenzjoni u esprimiet l-apprezzament tagħha għall-għajnuna tagħhom.

“Sfortunatament in-nies, inkluż jien, għandna d-drawwa li nikkritikaw imma rari nfaħħru lil min jagħmel it-tajjeb”.

Hija rringrazzjat ukoll lit-tim mediku tal-Isptar Mater Dei għall-għajnuna li tawha u għall-fatt li minkejja n-numru ta’ pazjenti li kien hemm tawha l-attenzjoni meħtieġa.