Edukazzjoni
Mara f’Ġibiltà titħaddet bil-Malti mingħajr qatt ma studjatu

Aktar minn terz tal-popolazzjoni ta’ Ġibiltà għandha għeruq Maltin li jmorru lura għall-emigrazzjoni lejn dan it-territorju Ingliż, fil-punent tal-Mediterran. Dixxendenti Maltin f’Ġibiltà huma rispettati ħafna, b’uħud okkupaw karigi importanti fil-politika, fil-knisja u f’postijiet tax-xogħol. B’differenza minn artijiet oħra li saru t-tieni dar tal-Maltin, l-identità Maltija f’Ġibiltà għadha ħajja fil-familji aktar milli b’attivitajiet minn klabbs jew assoċjazzjonijiet.

Maria Theresa Pitto Attard qalet “in-nannu mar Malta għall-holiday u ltaqa’ man-nanna u meta żżewġu fl-1929 ġie Ġibiltà”.

Hekk bdiet ir-rabta ta’ Maria Theresa Pitto Attard ma’ Ġibiltà, l-art fejn twieldet u tgħix mingħajr qatt iżda ma nsiet l-għeruq tagħha: fosthom il-Malti, il-lingwa li qatt ma tgħallmet l-iskola iżda wirtet mit-taħdit ta’ ommha, Margaret, u qrabatha. Hi waħda mill-ftit tal-ġenerazzjoni tagħha f’Ġibiltà li titkellem il-Malti, fil-każ tagħha b’aċċent Bormliż. Għalkemm uliedha ma ħakmux il-Malti, għajr li jifhmu kelma ‘l hemm u ‘l hawn, għadha titħaddet bil-Malti ma’ ommha u żita.

“Nitkellem bil-Malti magħhom. Għalkemm ma jisimgħux ħafna, kif inkellimhom bil-Malti m’għandix għalfejn nirrepeti jew nitkellem b’vuċi għolja”.

L-akbar ċaqlieq ta’ Maltin lejn Ġibilta’ seħħ mitt sena ilu, u ħarira aktar qabel, b’risposta għal opportunitajiet ta’ xogħol f’tarzna kbira, fil-bini tal-breakwater u fil-ġarr tal-faħam għal fuq il-vapuri. Il-maġġoranza tad-dixxendenti Maltin tal-lum, jafu r-rabta tagħhom ma’ Ġibiltà għan-nanniet jew bużnanniet tagħhom. Ħafna mill-Maltin kienu joqogħdu fil-parti ta’ Ġibiltà fejn hemm il-parroċċa dedikata lil San Ġużepp, bi preżenza wkoll mal-medda taż-żmien ta’ saċerdoti Maltin u Għawdxin. L-Isqof Malti ta’ Ġibiltà hu Monsinjur Carmelo Zammit mill-Gudja.

“Ċertu influwenza Maltija hawnhekk kien hawn speċjalment meta nbena l-breakwater tal-port. Dak kienu gabu nies minn Malta biex jibnuh u naħseb li ħafna minnhom baqghu hawn. Fil-fatt kont naf wieħed Formosa, minn Hal Ghaxaq, li baqa’ hawn ħajtu. Għamel il-familja hawn jigifieri. Kienu ġabu wkoll ġebel minn Malta biex jibnu mhux Sacred Heart kollha, il-knisja hi sabiha gotika, imma l-kantunieri taghha huma ta’ ġebla Maltija u jekk thares lejha tara l-ġebla qed tfarfar issa. Il-bqija tkun ġebla mħallta bil-ħamrija miksija bis-siment.”

Kuntrarju għal artijiet oħra tal-emigrazzjoni bħall-Awstralja, il-Kanada u l-Amerika, l-identità Maltija f’Ġibiltà mhix ħajja bi klabbs tal-Maltin iżda fil-familji.

Minn għada, Ħadd wara Ħadd għax-xhur li ġejjin, Television Malta se juru r-rabtiet ta’ Malta ma’ dan ix-xiber art fil-Mediterran bil-programm “Malta u Lil Hinn Minnha”. Dan it-territorju Ingliż, fin-naħa t’isfel ta’ Spanja, għandu popolazzjoni ta’ ftit aktar minn 30,000 persuna. Tiddomina muntanja. Minn fuqha veduti mill-isbaħ b’ċans tajjeb li tiltaqa’ ma’ għadd ta’ xadini li għalkemm huma mansi xorta trid toqogħdilhom attent. L-ekonomija tal-post hi dipendenti ħafna fuq it-turiżmu, is-servizzi finanzjarji u l-għoti tal-fjuwil lill-bastimenti deħlin u ħerġin mill-Mediterran.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li hu għadu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista. “Kien hemm aħbarijiet fuq il-midja li diġà Kap tal-Oppożizzjoni ġdid u ssemmiet l-Onorevoli Therese…

Politika

Fl-aħħar sigħat il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ ma’ diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista fil-Palazz ta’ Sant’ Anton. Fost id-deputati li diġà kellhom laqgħa mal-President Vella kien hemm Beppe Fenech Adami,…

Politika

Il-vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia mid-deputati Nazzjonalisti ħoloq xenarji ġodda b’opinjonisti jgħidu li din is-sitwazzjoni kompletament ġdida fl-istorja politika ta’ Malta. Fil-programm Ras imb’ Ras fuq TVM, l-opinjonist Dr Mario…

COVID-19

Il-COVID-19 u x-xogħol ġew diskussi minn mexxejja minn madwar id-dinja f’summit virtwali organizzat mill-Għaqda Dinjija tax-Xogħol, l-ILO. Fil-fehma tal-kap tal-organizazzjoni, il-pandemija tefgħet id-dinja tax-xogħol fi kriżi bla preċedent. F’messaġġ waqt…

Aktar