Kronaka
Mara fil-periklu tal-mewt wara inċident bejn mutur u karozza fiż-Żejtun

Mara ta’ 23 sena mill-Għargħur tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku tard,  fil-limiti taż-Żejtun u Ħal Għaxaq.

TVM infurmat li kienu għall-ħabta tas-6.00pm x’ħin seħħet ħabta bejn mutur tat-tip Honda u karozza tat-tip Suzuki Swift fit-triq ewlenija ta’ Bir id-Deheb.

Il-mutur kien misjuq minn Taljan ta’ 25 sena li joqgħod San Ġwann, li miegħu kellu passiġġiera lill-mara Maltija.

Il-mutur ħabat ma’ karozza misjuqa minn raġel ta’ 27 sena, ukoll Taljan, li joqgħod Ħal Luqa.

Il-mara ttieħdet l-isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn hu mifhum li ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi serji. Il-kundizzjoni tal-persuni l-oħra mhux magħrufa f’dan l-istadju.

Fil-każ infetħet inkejsta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud. Il-Pulizija qed tinvestiga.