
Shirley Al Omar ta’ 45 wieġbet mhux ħatja li wettqet serqa fuq tliet anzjani, flimkien mat-tifel tagħha ta’ 13-il sena.
Ilbieraħ, għall-ħabta ta’ nofsinhar, intalbet l-assistenza tal-Pulizija wara rapport li kienet qiegħda ssir serqa f’residenza fi Triq Sir Luigi Preziosi, San Pawl il-Baħar.
Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distret tal-Qawra, fejn mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li mara, li magħha kien hemm tifel minorenni, ħabtet il-bieb tad-dar u bdiet tittallab għal flus. Fil-Qorti spettur qal li hekk kif waħda mill-anzjani fetħitilha, il-mara baqgħet dieħla ġewwa u ħatfet żewġ kart ta’ 50 ewro li kien hemm il-mejda, u flimkien ma binha ħarbu jiġru.
Qal li waħda mill-vittmi ppruvat issegwihom, imma tilfithom żewġ kantunieti ‘l bogħod. Żied li ftit wara l-pulizija mir-Rapid Intervention Unit waqqfu lil mara u lil binha, li fiż-żarbun tiegħu nstabu 93 ewro.
Il-Pulizija tar-Rapid Intervnetion Unit (RIU) bdew mill-ewwel bit-tfittxija għalihom u nofs siegħa wara nnutaw żewġ persuni li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni li taw il-vittmi. Il-mara u t-tifel twaqqfu fi Triq l-10 ta’ Frar, San Pawl il-Baħar, saret tfittxija fuqhom u fuq it-tifel instabu l-flus
misruqa.
Il-mara, li drabi oħra tressqet il-qorti fuq każi simili għal dan, wieġbet li mhijiex ħatja.