Bil-filmat: tliet persuni l-isptar wara ħabta fi Triq il-Kosta

Mara ttieħdet l-isptar għall-kura wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Kosta Baħar iċ-Ċagħaq. Minn informazzjoni li kiseb tvm.com.mt jidher li fl-inċident li seħħ għall-ħabta tal-10.30 a.m. kienu involuti żewġ karozzi.

Il-mara ta’ 29 sena minn San Ġiljan li kienet qed issuq Toyota, u kienet waħedha fil-vettura, kellha tinħareġ mill-karozza bl-assistenza tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qabel ittieħdet l-isptar permezz t’ambulanza. Aktar tard hija ġiet ċertifikata li sofriet minn ġrieħi ħfief.

Fil-karozza l-oħra tat-tip Peugeot, kien hemm koppja Kanadiża li għalkemm ittieħdet ukoll l-isptar, instab li ma sofriet l-ebda ġrieħi.

Għal xi ħin kellha tingħaqlaq għat-traffiku karreġġjata.