Qorti
Mara ordnata trodd kważi €32,000 li rċeviet bħala ‘relief’

Mara ġiet imġiegħla trodd lura €31,800 f’benefiċċji tal-qgħad li ngħatat matul ħames snin li fihom kienet qed taħdem bi qligħ.

Il-Qorti tal-Appell semgħet kif il-mara ta’ 44 sena bdiet tirċvievi l-benefiċċji tal-qgħad u benefiċċji oħra relatati fl-2014.

Fl-2019 dawn twaqqfulha wara li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali rċieva rapport anonimu li l-mara kienet fil-fatt impjegata, u wara investigazzjoni sab li f’dan iż-żmien il-mara kienet taħdem ma’ kumpanija bħala ‘shelf stacker’ f’supermarkets, b’paga ta’ madwar €800 fix-xahar.

Intqal li dan kien ikkonfermat mid-diriġenta ta’ waħda mis-supermarkets, li kienet ukoll qariba ta’ din il-mara, u li qalet li l-mara kienet taħdem bħala ‘reliever’ fuq bażi każwali.

Minbarra li twaqqfulha l-benefiċċji, l-mara ġiet ordnata trodd lura l-flus li ħadet f’relief matul dan iż-żmien.

Hija appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Arbitru tas-Sigurtà Soċjali, li ħassar id-deċiżjoni tad-Dipartiment minħabba li qal li din ma ngħatatx id-dritt tas-silenzju u ta’ assistenza legali, kif ukoll li ma kienx ġie kkonfermat min terzi dak allegat.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, ma qablitx mal-konklużjoni tal-Arbitru. Meta kienet qed tqis l-appell mid-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, il-Qorti qalet li mhux kompitu tal-Arbitru li jidħol fi kwistjonijiet dwar rappreżentanza legali.

Il-Qorti kkonkludiet li m’hemm xejn x’tiċċensura fid-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali, li għandu l-obbligu li jassigura li l-Għajnuna Soċjali tingħata lil min verament għandu bżonnha, u li jwaqqaf din l-għajnuna fejn isib li l-benefiċċjarju jkollu dħul mhux dikjarat.

Żiedet li l-mara kellha l-obbligu li tressaq il-provi tagħha biex turi li jistħoqqilha tibqa’ tingħata l-benefiċċji, iżda naqset milli tagħmel dan.

Il-Qorti għalhekk laqgħet l-appell tad-Direttur tas-Sigurtà Soċjali u ħassret id-deċiżjoni tal-Arbitru.