Lokali
FILMAT: Mart Keith Schembri mixlija b’ħasil ta’ flus – tingħata l-ħelsien mill-arrest

Josette Schembri Vella ta’ 45 sena mill-Mellieħa, mart Keith Schembri – eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ġiet mixlija b’ħasil ta’ flus. Hi wieġbet li mhix ħatja għall-akkużi.

Id-difiża allegat li l-mara tressqet il-qorti sempliċiment għax hi mart Keith Schembri u argumentat li l-mara qed tiġi mixlija li abdikat mir-responsabbiltajiet tagħha bħala direttur ta’ kumpanija għax ma sejħitx laqgħat tal-bord.

Il-Prosekuzzjoni qalet li tissusspetta li l-ammont ta’ flus involuti f’dan il-każ ilaħħaq il-miljun ewro u nofs.

Josette Schembri Vella ta’ 45 sena mill-Mellieħa li tiġi l-mara ta’ Keith Schembri li kien Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat wieġbet mhux ħatja għall-akkużi ta’ ħasil ta’ flus. Hija kienet akkużata li ma osservatx l-obbligi bħala direttur tal-Kumpanija 3 City Designs Ltd li allegatament intużat għall-ħasil ta’ flus.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukati Antoine Agius Bonnici u Andrea Zammit mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali insistiet li l-valur ta’ ħasil ta’ flus ser ikun kwantifikat fil-proċeduri kriminali iżda l-avukat difensur insista li l-prosekuzzjoni ma tafx x’inhuwa l-ammont ta’ flus b’rabta ma’ dan il-każ. Il-Prosekuzzjoni wieġbet li r-reat sar fuq medda ta’ 12-il sena bejn l-2008 u l-2020 u spjegat li l-akkużi ħarġu mill-inkjesta tal-Maġistrat Josette Demicoli.

L-Avukat Difensur oġġezzjona għat-talba tal-iffriżar tal-assi tal-kumpanija u għax qal li l-akkużi ma jeżistux jew ma jammontawx għall-offiżi u għalhekk argumenta li m’għandhomx ikunu ffriżati l-assi ta’ 3City Designs. Huwa talab li tixhed l-Ispettur Leanne Bonello u staqsiha tgħid kemm huwa l-ammont, bl-Ispettur twieġeb li bejn wieħed u ieħor jammonta għal miljun u nofs ewro. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara diversi battibekki bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni biex l-assi tal-Kumpanija 3City Designs ikunu ffiriżati.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għax spjegat lis-Sinjura Schembri hija akkużata għax tirrappreżenta lill-kumpanija 3City Design. Talbet biss li jinstab bilanċ bejn il-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-akkużata.  Il-Maġistrat Stafrace Zammit tat il-liberta proviżorja lill-akkużata fuq diversi kundizzjonijiet fosthom garanzija personali ta’ €40,000 u depożitu ta’ €10,000. Hija trid tiffirma l-Għassa tal-Qawra 4 darbiet fil-ġimgħa u tkun id-dar minn nofsillejl sas-6.30 ta’ filgħodu, filwaqt li ma tistax issiefer.