Mara taħt abbuż- Il-Qorti ma ħarġitiliex ordni ta’ protezzjoni

Mara li sfat vittma ta’ vjolenza domestika tkellmet fuq l-esperjenza tagħha u l-biża’ li  għadha tgħix fiha għaliex il-Qorti ma laqatx it-talba għall-ordni ta’ protezzjoni. Il-Qorti kemm qed tisma l-karba li għandhom dawn il vittmi?

Id-Direttur għall-Fondazzjoni għas-servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Remenda Grech tkellmet fuq l-avvanz li sar fil-kamp legali, biss kien hemm każijiet fejn il-vittma ma ġietx protetta biżżejjed. “Din hija l-karba ta’ diversi nisa li aħna niltaqgħu magħhom”. Spjegat li dan ix-xahar ġie mħabbar proċess ġdid fejn meta persuna tmur ġo għassa biex tagħmel rapport rigward każ ta’ vjolenza domestika, din ser tittieħed minnufih ġewwa uffiċju apposta biex jisimgħu l-każ tagħha pulizija mħarrġa u professjonisti fis-settur.

Mistoqsija mill-preżentatur jekk hemmx xi servizz biex jgħin lill-aggressur itejjeb l-attitudni tiegħu, id-Direttur għall-Fondazzjoni għas-servizzi ta’ Ħarsien Soċjali spjegat il-programm STOP li qiegħed jiġi offrut mill-Aġenzija Appoġġ. Tkellmet fuq każ partikolari fejn raġel mar jirringrazzjaha għaliex meta fittex l-għajnuna biex ma jibqax vjolenti sab min jgħinu u llum iħossu “ta’quddiem in-nies”.