Lokali
Mara tbattal il-‘card’ ta’ xwejħa u nefqithomlha kollha għall-kapriċċi tagħha – lanqas ħallitilha flus għall-funeral

Mara li żvujtat il-‘card’ tal-anzjana li kienet tieħu ħsieb biex tagħmel tajjeb għall-kapriċċi tagħha kienet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultata €25,000.

Doris Borg kienet mixlija li bejn Jannar u Ottubru 2016 serqet il-karta tal-kreditu ta’ Benedetta Agius u għamlet b’iktar minn €5,000 qligħ b’dannu għall-anzjana li kellha 85 sena. Hija kienet akkużata wkoll bis-serq tal-flus u b’ħasil ta’ flus. Borg nefqet flus l-anzjana f’xiri ta’ żraben, mobile phones, ħlas ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, nuċċalijiet, trattamenti ta’ sbuħija, xirijiet u karozza armata bl-extras. Dan bil-konsegwenza li Borg ħalliet lix-xwejħa Agius lampa stampa mingħajr flus biex tħejji għall-funeral tagħha.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, il-każ beda jiġi invesigat mill-Pulizija b’rapport li sar mix-xwejħa Agius. Ix-xwejħa qalet lill-Ispter Robert Vella li kellha €9,000 fil-kont tagħha li kienu ġejjin minn polza tal-assikurazzjoni. F’dan il-kont kienet tidħlilha wkoll ik-pensjoni tagħha. Madankollu x-xwejħa spiċċat b’bilanċ fil-kont ta’ €8.

L-anzjana infurmat lill-Pulizija li s-suspett tagħha kien f’Borg u meta din ġiet interrogata ċaħdet li użatilha l-card. Madankollu mill-istħarriġ tal-Pulizija ħareġ li Borg żvojtatilha l-card f’xiri minn diversi ħwienet fosthom ‘confectionery’, spiżerija, ħanut tas-sbuħija, ħanut tan-nuċċalijiet, kumpanija li toffri servizz tat-telefonija u anke karozza minn ‘auto dealer’.

Il-ħwienet kollha kkonfermaw li Borg kienet klijenta tagħhom u li hija ffirmat l-irċevuti li joħorġu mill-ePOS (electronic Point of Sale).

L-anzjana għażlet li tixhed iżda minħabba li bdiet tbati bid-dimensja, il-Maġistrat Frendo Dimech ma qisithiex għalkemm għamlitha ċara li kienet se toqgħod fuq ix-xiehda li l-anzjana tat qabel.

“Il-flus li ġemmajt għall-funeral għosfru”

Fost oħrajn l-anzjana kienet esprimiet id-dieqa tagħha li l-flus imġemmgħin għall-funeral tagħha stess kienu għosfru.

Borg għażlet li tixhed fejn insistiet li kienet l-anzjana li tagħtiha l-‘card’ biex tiġbdilha l-flus u dejjem tatha l-flus lura.

F;setenza mirquma ta’ aktar minn 50 paġna, il-Maġistrat Frendo Dimech ikkonkludiet li għalkemm ma ġiex ippruvat li Borg serqet il-‘card’ lill-anzjana, tressqu biżżejjed provi li juri li l-akkużata nefqet flus mill-kont bankarju biex xtrat diversi affarijiet.

Hija sabitha ħatja ta’ ħasil ta’ flus meta xtrat karozza bi flus li kienet taf li ġejjin minn reat kriminali, f’dan il-każ is-serq.

Il-Maġistrat Frendo Dimech irrimarkat ukoll li Borg uriet “kattiverija u ħażen” meta tat lill-anzjana l-impressjoni li riedet tieħu ħsiebha u ħaditilha kulma kellha.

Hija nnutat li Borg ma wriet ebda rimors għal għemilha u għalkemm fl-istqarrija lill-Pulziija offriet li trodd il-flus lill-anzjana, m’għamlet xejn tul iż-żmien li kien fadlilha ħajja l-vittma biex tagħtiha flusha.

“Fil-vulnerabbiltà u l-fraġilità tax-xwejħa Agius, Borg rat opportunità kif tisloħha”

“Fl-anzjana, fil-vulnerabbilità u l-fraġilità tagħha, Borg rat opportunità kif tisloħha, tkompli tgħakkisha finanzjarjament biex tistgħana minn fuqha. Kif tista’ l-Qorti tinjora l-biki li bkiet din l-anzjana quddiem diversi xhieda f’mumenti ta’ disprament u swied il-qalb meta saret taf li lanqas għall-funeral tagħha ma kien baqgħalha flus? Kif intebħet li ġiet ingannata u misruqa proprju minn min kienet fdat u kient tgħożż!”.

Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet ukoll li tkun qed tonqos mid-doveri jekk ma tirrimarkax li l-ħwienet naqsu li jimxu mar-regoli tal-banek f’dak li għandu x’jaqsam ma’ użu ta’ ‘debit cards’.

Minbarra l-piena sospiża ta’ ħabs u l-multa hija ordnat ukoll li €5,766 jgħaddu bħala konfiska għand il-Gvern u li Borg ikollha l-proprjetà mobbli u immobbli kkonfiskata wkoll.

Il-Maġistrat Frendo Dimech tat ukoll ordni biex kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Ministru għall-Ġustizzja, lill-Ministru għall-Anzjani u Anzjanità Attiva, lill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), lill-Malta Critical Infrastructure Protection Directorate u lill-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU).